Kull persuna li se tirfes f’pajjiżna miċ-Ċina bl-ajru se tiġi skrinjata għall-imxija tan-Novel Corona Virus li fl-aħħar ġimgħat qatel aktar minn mitt ruħ fiċ-Ċina u laqat aktar minn erbat elf u ħames mitt pazjent f’erbatax-il pajjiż differenti.
Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne f’konferenza tal-aħbarijiet b’rabta mal-aħħar żviluppi dwar dan il-virus li qed ikompli jħasseb l-awtoritajiet tas-saħħa dinjin.
Bl-aktar mod skjett Fearne kkonferma li s’issa f’pajjiżna m’hawn jew ma kien hawn l-ebda każ tan-Novel Corona Virus.
Spjega li fl-Ajruport ġiet ddedikata kamra ta’ iżolament fejn se jsir l-iscreening tal-persuni li jkunu waslu f’Malta miċ-Ċina.
Dawk li jkollhom xi tip ta’ sintomi tal-virus fosthom id-deni se jsirilhom test permezz ta’ swab mill-gerżuma bir-riżultat joħroġ minn Mater Dei fi żmien sagħtejn.
“Pero jekk nikkonfermaw aktar tard fi żmien ftit sigħat dan jinżamm kwarantina u jibqgħu jiħedu ħsiebu t-tobba. Ħafna drabi ma jkun hemm għalfejn nagħmlu xejn, l-immunita tagħna se tfejjqu lil dak il-bniedem pero f’każ ta’ sptar għandna l-perparamenti wkoll dan se jinżamm fi kwarantina fis-setti ta’ sptar ukoll biex intuh l-aħjar servizz possibli.”
F’każ li s-sintomi joħorġu waqt li l-persuna tkun f’darha, jiskatta mekkaniżmu biex jibqa’ jinżamm f’daru sakemm isiru t-testijiet. Każijiet f’Għawdex mistennija jinġiebu Malta għall-kura b’mod sigur.
Il-Gvern ħa ħsieb ukoll li jħejji unit ta’ 12-il sodda ‘l barra mill-Isptar Mater Dei.
Din se jilqa’ fih każijiet ta’ virus li ma jkunx kritiku waqt li dawk kritiċi jintbagħtu fit-Taqsima tal-Mard Infettiv f’Mater Dei.
F’każ li persuna tittestja pożittiv għall-virus id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika jiskatta mekkaniżmu li jpoġġi lil dawk li kellhom kuntatt mill-qrib mal-pazjent f’iżolament għal 14-il jum.
Il-professjonisti kollha li jaħdmu ma’ dawn il-każijiet se jingħataw l-ilbies protettiv kollu u fil-jiem li ġejjin se jaslu f’Malta 160,000 sett ieħor ta’ lbies protettiv.
Il-Ministru għas-Saħħa fakkar li madwar 98% tal-każi tal-virus ifiequ totalment u ċċara li m’hemmx riskju dan jittieħed minn pakketti li jkunu ġejjin mill-pajjiżi affettwati.
Dr Chris Barbara mid-Dipartiment tal-Patoloġija spjega li bħalissa għad m’hemmx tilqima għal dan il-virus u jrid ikun il-ġisem stess li jfejqu.