L-eks spettur tal-pulizija u uffiċjal tal-FIAU Jonathan Ferris reġa’ rrepeta waħda minn sensiela ta’ allegazzjonijiet foloz li għamel quddiem l-Inkjesta Egrant u allega li s-sid tal-kumpanija Egrant huwa l-Partit Laburista.
Din l-allegazzjoni rrepetiha l-Erbgħa waranofsinhar fl-inkjesta pubblika b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Hawnhekk irrepeta l-allegazzjoni li Egrant hija tal-Partit Laburista.
Fl-inkjesta Egrant, l-Imħallef Aaron Bugeja, ikkonkluda li l-allegazzjonijiet kollha li għamel quddiemu Ferris ma setgħux jiġu kkonfermati.
Saħanistra fil-konklużjonijiet ulterjuri tal-inkjesta, il-Qorti ordnat lill-Pulizija biex tinvestiga lil Ferris dwar ġurament falz.
Jonathan Ferris kien allega wkoll li mill-bank Pilatus sar trasferiment ta’ miljun lill-kumpanija Buttardi li skontu kienet ta’ Michelle Buttigieg u ta’ Michelle Muscat.
Meta din l-allegazzjoni tqiegħdet taħt il-lenti forensika u tal-ġudikant Bugeja, irriżulta li din ukoll kienet allegazzjoni falza li ġiet ippubblikata minn Daphne Caruana Galizia u mtennija minn Jonathan Ferris quddiem l-inkjesta.
Fuq kollox, l-inkjesta Egrant ikkonfermat li saret gidba fil-konfront tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat u familtu meta Caruana Galizia allegat li l-kumpanija Egrant hija tal-familja Muscat.
Fix-xhieda tiegħu Ferris qal li hu qatt ma ltaqa’ ma Daphne Caruana Galizia izda darba minnhom ċemplitlu u minn hemm baqgħu jitkellemu.
Jonathan Ferris qal li bix-xogħol li kien qiegħed jagħmel qatt ma ra li ħajjet Daphne Caruana Galizia kienet fil-periklu u kien iqies kitbietha bħala sors ta’ informazzjoni u b’dak li kienet qed tikteb qatt ma ra li kienet fil-periklu.