Maż-żerniq u hekk kif is-serduk beda jidden, l-Arka ta’ Noe fis-Siġġiewi rat it-twelid ta’ ħames tigri speċjali.
Tnejn minn dawn it-tigri huma ta’ lewn abjad, tigra oħra hija ta’ kulur abjad fil-griż bi strippi suwed u li possibilment hija tar-razza Maltese Tiger u tigra oħra fost l-oħrajn hija tar-razza Golden Tabby
F’kumment ma’ dan l-istazzjon, Anton Cutajar, sid l-Arka ta’ Noè, li b’dedikazzjoni u mħabba kbira jieħu ħsieb dawn it-tigri u l-annimali l-oħra, spjega kemm mhux faċli li tieħu ħsieb tigri kbar bħal dawn, li wħud jiżnu kważi 300 kilo. Huwa qal ukoll li dawn it-tigri ser ikunu qed imorru f’żoos oħra madwar l-Ewropa.
Cutajar spjega: “Dal-lejl kellna lejl daqxejn twil, kellna ħamest ifrieħ, 3 bojod u 2 oħra iżda għadni ma naf x’inhuma għax ma ċċekjajtomx k’mhux nisa jew irġiel…Aħna qabel nifirdu n-nisa u rġiel imbagaħad darba f’sena magħmruhom…issa dawn il-ħames tigri sejrin f’zoos fl-Ewropa.”
Wara li tkun weldithom, omm dawn il-ħames tigri tista’ tabbandunahom, b’Cutajar jispjega li l-ħaddiema ta’ l-Arka ta’ Noè huma kollha preparati biex jieħdu ħsiebhom huma.
Cutajar sostna: “Jekk hi tabbandunahom inrabbuhom aħna bil-bottles, illum sirna tajbin ħafna biżżejjed biex inrabbuhom u jsalvaw żgur.”
Dan il-park li fih varjetà ta’ annimali, bħal xadini, pappagalli, ċriev u żebra, issa għandu 23 tigra differenti.