Il-President George Vella ħa sehem fil-kommemorazzjoni ta’ meta l-kamp tal-konċentrament ta’ Auschwitz-Birkenau nħeles minn taħt in-Nazzisti, ċerimonja li saret iktar kmieni llum fil-Polonja.
F’kummenti dwar is-sinifikat tal-75 sena mindu seħħ dan l-avveniment dinji, il-President Vella qal li l-ħruxijiet li ġraw fil-kampijiet tal-konċentrament ma nistgħux ninsewhom. “Donnu ma tantx tgħallimna minn din l-esperjenza ta’ dieqa għax għad hawn minoranzi li qed jiġu trattati ħażin f’ċerti partijet tad-dinja. Jeħtieġ li l-komunità internazzjonali tifhem is-sinifikat tal-ġrajjiet li qed infakkru llum u ma tippermetti li mkien fid-dinja ma jibqgħu jsiru dawn il-ħruxijiet.”
Iċ-ċerimonja simbolika saret ’il barra mill-belt ta’ Krakovja, quddiem id-daħla ta’ wieħed mill-iktar kampijiet tal-konċentrament Auschwitz-Birkenau li fih inqatlu priġunieri tal-Ġermaniżi fit-Tieni Gwerra Dinjija. Minbarra li tfakkru l-vittmi li ħallew ħajjithom f’dan il-kamp tal-konċentrament, spikkaw ir-rakkonti ta’ dawk li salvaw mill-Olokawst, b’esperjenzi li rrakkuntaw u missew il-qlub.
Iktar minn 50 kap ta’ stat u mexxejja dinjin attendew għal din iċ-ċerimonja, fosthom il-President George Vella li mexxa delegazzjoni Maltija li fost l-oħrajn kienet tikkonsisti wkoll mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo.
Ritratti: OPR