Minn din il-ġimgħa, bdew jitpoġġew f’posthom l-ewwel minn total ta’ 260 panew tal-konkos (wall panels) li se jiffurmaw il-ħitan taż-żewġ mini li Infrastruttura Malta qed tibni taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija.
B’hekk, f’temp ta’ ftit aktar minn xahrejn biss minn meta beda jsir it-tħaffir għalihom, diġà qegħdin naraw il-mini jieħdu l-forma. Il-panewijiet tal-konkos li qed jinbnew il-ħitan bihom ivarjaw fid-daqs, bl-iżjed għoljin fihom mat-tmien metri. Dawn qegħdin jiġu manifatturati b’disinn apposta għal dan il-proġett ġewwa impjant lokali u 40% tagħhom diġà huma lesti.
Fil-jiem li għaddew, il-panewijiet bdew jinġarru u jitqiegħdu f’posthom fuq is-sit tal-proġett fejn diġà tkun tħejjijiet il-bażi għalihom magħmula mill-azzar. Wara li jitpoġġa l-panew mbagħad ikun imiss li l-bażi tingħata l-konkos biex l-istruttura tal-ħitan tingħaqad mal-pedamenti.
L-użu tal-panewijiet tal-konkos flok il-ġebla biex isiru l-ħitan tal-mini mhux biss iħaffef ix-xogħol u jieħu ħafna inqas spazju, imma jagħmel l-istruttura aktar effiċjenti u tkun iżjed reżistenti għall-elementi fosthom dawk sismiċi.
Dan il-proġett qed isir b’investiment ta’ €20 miljun biex tkompli tittejjeb is-sigurtà u l-effiċjenza tar-rotta ewlenija lejn diversi lokalitajiet fin-naħa t’isfel tal-pajjiż. Il-mini ta’ żewġ korsiji kull waħda se jkun fihom tul ta’ 90 metru biex jgħaqqdu direttament iż-żewġ karreġġjati ta’ Vjal Santa Luċija (it-Telgħa tal-Addolorata) ma’ Triq Tal-Barrani. Fuq kull naħa, se jinbnew rampi ta’ 130 metru kull waħda biex jgħaqqdu l-mini ma’ dawn iż-żewġ toroq.
It-tħaffir tal-mini beda f’nofs Novembru li għadda mit-tarf ta’ Vjal Santa Luċija, qabel tingħaqad mar-roundabout. Ix-xogħol għaddej b’ritmu tajjeb tant li diġà tlesta 20% tal-iskavar kollu li hemm bżonn għall-mini. Fl-ogħla post, taħt fejn hemm ir-roundabout, se jitħaffer fond ta’ bejn tmienja u disa’ metri.
Fuq il-mini, imbagħad se terġa’ tinbena r-roundabout b’disinn ġdid li jipprovdi aċċess eħfef u aktar sigur lir-residenti ta’ Santa Luċija, Raħal Ġdid u Ħal Tarxien. Ir-roundabout ġdida se tingħaqad ma’ Vjal Santa Luċija u Triq Tal-Barrani permezz ta’ erba’ tlajja’ u nżul ġodda (slip roads) li se jsiru għal ġo fihom.
Il-proġett jinkludi wkoll il-bini mill-ġdid b’disinn imtejjeb tal-mogħdija għall-ġiri (jogging track) li hemm fil-viċinanzi, titjib tas-subway ta’ Triq tal-Barrani biex tkun aċċessibbli wkoll għaċ-ċiklisti u persuni b’diżabilità, kif ukoll korsija ġdida għar-roti li se tgħaqqad Santa Luċija mal-Marsa.
Taħt il-mogħdija għall-ġiri parti minn mina doppja taħt (walk-through culvert) twila 1.1 kilometru li minnha jgħaddu cables ħoxnin tal-elettriku ġodda minflok dawk li bħalissa jinsabu mirdumin taħt l-asfalt fit-toroq eżistenti tal-inħawi. Din il-mina tibda minn Triq Tal-Barrani u tingħaqad ma’ mini simili li qed isiru taħt il-flyovers tal-Marsa Junction Project. Tul l-istess rotta mill-Marsa lejn Santa Luċija, Infrastruttura Malta qed tibdel ukoll medda ta’ pajpijiet wesgħin aktar minn nofs metru għad-distribuzzjoni tal-ilma, li hemm għaddejja taħt l-art, kif ukoll diversi kilometri ta’ pajpijiet għas-servizzi tal-Internet, sistemi elettroniċi għal-immaniġġjar tat-traffiku u servizzi oħrajn ta’ telekomunikazzjoni. Bħala parti mill-proġett se jinbnew ukoll ġibjun u jitpoġġew 2.7 kilometri ta’ katusi għall-ġbir tal-ilma tax-xita.