115-il funtana tal-ilma ser jiġu nstallati madwar l-isptar Mater Dei fl-4 xhur li ġejjin.
Dan bil-għan li pazjenti, viżitaturi u ħaddiema fl-isptar jkunu jistgħu jixorbu l-ilma b’xejn meta jridu filwaqt li fl-istess ħin jitnaqqas l-użu ta’ fliexken tal-ilma tal-plastic.
Dan mhux kollox hekk kif sabiex jiġi nċentivat l-użu ta’ dawn il-funtani tal-ilma ser ikunu qed jitqassmu mas-7,000 tazza li jistgħu jintużaw iktar minn darba, lill-ħaddiema tal-isptar.
Dan il-proġett qed isir bħala parti mill-kampanja bl-isem ‘We Are Water.’
Kampanja li l-għan aħħari tagħha huwa li jitnaqqas l-iskart magħmul mill-plastic. Fil-fatt sena ilu l-isptar Mater Dei kien ħabbar li ser jelimina l-pożati tal-plastic mill-canteens tal-ħaddiema.
Huwa stmat li matul is-sena jsiru madwar 700 vjaġġ minn trakkijiet tal-ilma lejn l-isptar filwaqt li fl-isptar stess jintremew mal 400,000 flixkun tal-plastic.
Dan il-proġett qed isir b’kollaborazzjoni mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ( WSC).