Mara nqatlet u ħames persuni oħra weġġgħu f’attakk b’sikkina f’Russel Sqaure fiċ-ċentru ta’ Londra. Il-każ seħħ tard ilbieraħ filgħaxija meta l-pulizija ssejħet fuq il-post b’rapporti jgħidu li kien hemm raġel li kien qed jattakka lin-nies b’sikkina.
Waħda mill-vittmi, mara ta’ sittin sena, ingħatat il-kura fuq il-post iżda kienet iċċertifikata mejta ftit tal-ħin wara.
Ġuvni ta’ 19-il sena kien arrestat u għalkemm qed jingħad li hemm kwistjoni ta’ saħħa mentali mhux eskluż l-anqas li dan seta’ kien xi attakk terroristiku.
Wieħed mill-investigaturi ewlenin qal: “F’dan l-istadju ma nistgħu neskludu xejn b’rabta mal-mottiv tal-attakk u li huwa attakk terroristiku hija waħda mil-linji li rridu nesploraw.”