Malta qed tieħu l-prekawzjonijiet kollha wara t-tifqigħa tal-Coronavirus fiċ-Ċina
Ikkonfermat dan is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci wara li fiċ-Ċina feġġ dan il-virus li ħakem il-provinċja ta’ Hubei.
Fil-fatt l-awtoritajiet ċiniżi qalu li r-rata ta’ mwiet kawża ta’ dan il-virus tela’ għal 41 filwaqt li ġew ikkonfermati 1,287 każ
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qalet li qed tagħmel moniteraġġ kontinwu fuq is-sitwazzjoni fiċ-Ċina filwaqt li qed issegwi l-pariri tal-Organizzazzjoni Dinija għas-Saħħa.
Il-Professur Gauci spjegat li r-riskju li Malta l tintlaqgħat minn dan il-virus huwa baxx, izda xorta qed jittieħdu l-prekawzjonijiet
“Waqqaft tim ta’ “preparedness” u “response” li hu magħmul minn diversi esperti inkluż minn entitajiet minn naħa tas-saħħa pubblika, minn naħa tal-kura primarja u minn naħa ta’ Mater Dei u qegħdin ninvolvu nies oħra skond il-bżonn.”
Qalet ukoll li kemm l-isptar Mater Dei u kemm iċ-Ċentri tal-Kura Primarja huma preparati f’każ li jfeġġ il-virus f’pajjiżna.
Dan permezz ta’ laboratorji addattati b’faċilitajiet li jipprevjenu l-firxa tal-virus u li fihom jistgħu jsiru testijiet lokali.
“Aħna l-ewwel skop huwa li jekk ikun hemm xi każ nilħquh mill-ewwel, nagħmlulu r-risk assessment, nagħmlulu t-testijiet niżolawh u minn hemm aħna kemm jista’ jkun nillimitaw il-firxa li jkun hemm minn persuna għall-oħra u dan huwa l-meżż ta’ kontroll.”
Il-Professur Gauci elenkat suġġerimenti għal dawk kollha li qegħdin imsefrin jew se jsiefru fiż-żmien li ġej.
Fost oħrajn, dak li jkun għandu jżomm lura minn postijiet fejn ikun hemm annimali mejtin, partikolarment fi swieq tal-ikel.
Dan filwaqt li għandhom jevitaw kuntatt ma’ nies b’mard respiratorju, jżommu idejhom u l-ikel tagħhom nadif u jevitaw kuntatt mal-annimali.
Nies li fl-aħħar erbatax-il ġurnata kien żaru l-belt ta’ Wuhan fic-Cina u li issa għandhom mard respiratorju u sintomi ta’ irjieħat, għandhom iċemplu lill-Awtoritajiet tas-saħħa pubblika fuq in-numru 21324086.