Huma ħafna dawk li jammiraw ir-rikezzi u l-opri artistiċi li dejjem żewqu l-knejjes tagħna.
Dalgħodu l-ġurnalist Ayrton Mifsud mar ir-Rabat hekk kif bħalissa l-knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesu tinsab fi stadju avvanzat f’xogħol ta’ restawr.
Għaddej ġmielu r-restawr fil-Knisja ddedikata lil Santa Marija ta’ Ġesù, fir-Rabat, Malta. Hemm sibna lil Patri Franġiskan Martin Coleiro li laqana u dawwarna mal-Knisja biex naraw ix-xogħol li twettaq u li għad fadal isir.
Dlonk uriena x-xogħol lest fuq it-tmien kappelli, il-kor ta’ wara l-artal, il-gallarija tal-orgni u fuq l-ewwel żewġ arkati tal-kursija.Fil-fatt huwa mistenni li dan il-proġett ta’ restawr jitlesta sal-Milied li ġej.
Patri Coleiro semma kif dawn l-aħħar snin qam kunsens fost ir-Rabtin biex din il-knisja tiġi rrestawrata hekk kif partijiet ta’ fuq tagħha kienu qed jitfarrku. Fil-fatt l-aħħar forma ta’ tindif jew restawr kien sar ħamsa u għoxrin sena ilu.
Ir-restawr ta’ din il-knisja ma setax ikun realtà kieku ma kienx hemm għadd ta’ voluntiera, l-parti l-kbira Rabtin, li mhux biss għenu fit-tindif iżda anke ħarġu l-flus minn bwiethom biex isalvaw wirt missirijiethom.