Fi stqarrija li ħarġet Festivals Malta b’referenza għal rapporti fil-midja li dehru lbieraħ 23 ta’ Jannar 2020 rigward karru intenzjonat li jipparteċipa fl-edizzjoni tal-karnival ta’ din is-sena, Festivals Malta kkjarifikat li tul dawn l-aħħar ġimgħat, il-kumpanija tal-Karnival relatata kienet diġà ġiet imwissija li d-disinn tal-karru sottomess kien jinkludi dettalji u aspetti defamatorji.
Festivals Malta tixtieq tirrimarka wkoll li l-isketch preżentat lilha kien nieqes minn dettalji oħra li qegħdin ikomplu jżidu l-element defamatorju. Għaldaqstant anke permezz ta’ komunikat separat, Festival Malta qiegħda tinforma l-kumpanija rispettiva li, bit-tali produzzjoni, dan il-karru mhux ser ikun qiegħed jitħalla jipparteċipa fl-edizzjoni tal-Karnival 2020.
Festivals Malta filwaqt li tiddiżassoċja ruħha minn dawn l-elementi defamatorji hekk kif qed jiġu proposti biex jiġu preżentati, temmen bi sħiħ fl-espressjoni kulturali u artistika, u tagħraf li m’għandux ikun hemm barrieri li jxekklu il-kreattività. Madankollu għalkemm l-artisti illum igawdu mil-libertà tal-espressjoni bla preċendent, fl-istess waqt il-parametri tal-liġijiet għandhom dejjem jiġu osservati u rispettati.