L-arkitettura, l-istorja u x-xeni pittoreski ta’ pajjiżna, se jerġgħu jiddominaw partijiet minn film blockbuster.
Dan hekk kif Malta se tintuża għall-ġbid tal-film “Jurassic World 3” li mistenni jidher fis-swali taċ-ċinema għall-ewwel darba, f’Ġunju tas-sena d-dieħla.
Il-ġbid f’Malta mistenni jibda f’Mejju li ġej, u għalih se jintużaw partijiet differenti tal-gżira, inkluż il-kapitali Valletta.
Dan il-film, l-aħħar minn din is-sensiela, huwa s-sitt wieħed wara l-ewwel u l-oriġinali “Jurassic Park” ta’ Steven Spielberg, li kien ħareġ fl-elf disa’ mija tlieta u disgħin.
Fost l-atturi li mistennija jirfsu gżiritna għall-ġbid ta’ dan il-film hemm Sam Neill, Jeff Goldblum u Laura Dern.
Id-direttur tal-film se jerġa’ jkun Colin Trevorrow u minbarra Malta, ix-xeni l-oħra li se jservu ta’ sfond għad-dinosawri, se jinġibdu f’Vancouver fil-Kanada, fil-Hawaii u fi studjos f’Londra.
Din l-aħbar tawgura tajjeb ħafna għall-industrija tal-films f’Malta, bl-elfejn u dsatax ukoll kienet waħda ta’ suċċess għal pajjiżna, li attira wieħed u għoxrin produzzjoni internazzjonali li bejniethom ħallew erbgħin miljun ewro fl-ekonomija Maltija