Dan il-Gvern mhux ser jistenna lin-nies u lill-komunità kummerċjali tmur għandu, iżda ser imur hu sabiex jisma’ kull proposta jew ilment li għandhom.
Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela l-Erbgħa filgħodu, wara li qatta’ sagħtejn sħaħ jiltaqa’ ma’ bosta sidien ta’ ħwienet kemm żgħar u kemm kbar fi Triq ir-Reppublika fil-Belt.
Il-Prim Ministru stqarr: “Se nkun Gvern li mhux jistenna lin-nies jiġu għandu imma jmur hu għand in-nies.”
Il-Prim Ministru Abela tenna li dan il-Gvern huwa totalment favur il-kunċett ta’ pro-market, fejn qal li ser jibqa’ qrib u ta’ serħan il-moħħ għan-negozji kollha, speċjalment dawk żgħar. Huwa tenna: “Juru kemm nemmnu f’suq li huwa pro-market, kemm aħna Gvern li huwa pro-market li jħares lejn is-suq b’mod ħolistiku li jħares lejn in-negozjant, li jħares lejn il-konsumatur, pero naħseb li f’din l-rajna xi jkun il-kunċett ta’ pro-market.”
Il-Prim Ministru saħaq dwar l-importanza tal-kontinwità fit-tkabbir ekonomiku f’Malta u qal li n-negozji għandhom sehem importanti ħafna f’dan it-tkabbir.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji żgħar, Silvio Schembri, qal li ż-żjara tat inkoraġġiment lill-Gvern sabiex ikompli jikseb riżultati ferm pożittivi f’dan is-settur. Żied jgħid li grazzi għal dawn in-negozji l-ekonomija Maltija kienet, għadha u ser tibqa’ miexja b’rittmu pożittiv.
Il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Kamra tal-Kummerċ li faħħru l-ħidma li dan il-Gvern qed iwettaq fil-Komunità Kummerċjali, fejn semmgħu kemm il-Gvern qed jikkopera magħhom u jisma’ l-proposti li qed jagħmlu.
Min-naħa tagħha il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, qalet li fil-Belt hemm 35 lukanda u għalhekk appellat lill-Gvern jibqa’ jaħdem sabiex itejjeb iċ-ċentru kummerċjali fil-Belt Kapitali. Saħqu li huma ser ikunu qed jikkoperaw mal-inizjattivi u l-ħidma tal-Gvern f’dan il-qasam.
Is-Sindku tal-Belt Alfred Zammit semma kif il-Kunsill Lokali propona li darba fil-ġimgħa, il-ħwienet fil-Belt jibqgħu miftuħin sa tard, sabiex b’hekk il-kapitali Maltija tibqa’ attiva anke fil-ħinijiet ta’ filgħaxija.
Ritratti: Gareth Degiorgio