Għawdex inħasad bil-mewta traġika ta’ Christine Gauci, bugħaddasa ta’ 35 sena mir-Rabat Għawdex, li kienet ukoll suldat tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Gauci tilfet ħajjitha waqt li kienet qed togħdos fl-inħawi ta’ Mġarr ix-Xini ma’ persuna oħra. Il-Pulzija u anke l-Forzi Armati ta’ Malta kienu fuq il-post għall-ħabta tal-għaxra u nofs biex jagħtu l-għajnuna meħtieġa, iżda sfortunatament il-mara ġiet iċċertifikata mejta fuq il-post. Fil-fatt dawk li taw l-ewwel għajnuna qalu li sfortunatament ma rnexxilomx isalvaw lill-mara anke jekk fil-passat salvaw ħafna persuni.
Christine Gauci hija bint il-kandidata Laburista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew li għaddiet, Mary Gauci, li ngħatat l-aħbar mill-pulizija waqt li kienet it-tokk tar-Rabat għall-attività politika tal-Prim Ministru Robert Abela.
Fuq il-midja soċjali bosta qraba, ħbieb u kollegi ta’ Christine Gauci esprimew dieqa għal din it-traġedja. Gauci kienet deskritta bħala mara ta’ ħafna kwalitajiet, b’imħabba partikolari għall-muturi u l-mużika.
Hija anke kienet tħarrġet mal-Armata Ingliża u saħansitra serviet fl-Afghanistan fejn ingħatat midalja tas-servizz militari tagħha. Hija kienet taħdem ukoll fl-Explosive Ordanance Department.
Hija kienet ukoll attiva wkoll fiċ-ċelebrazzjoni tal-festi ta’ San Ġorġ tar-Rabat Għawdex, fejn kienet ukoll bandista mas-Soċjetà Filarmonika La Stella. Fuq il-pagna taghha ta’ Facebook is-Soċjetà qalet li tinsab f’luttu.
Fuq il-midja soċjali wkoll, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Byron Camilleri offra l-kondoljanzi tiegħu lill-qraba.
L-ewroparlamentari u ħabiba tagħha, Josianne Cutajar qalet li tinsab bla kliem għal din l-aħbar traġika. Dr Cutajar stqarret: “Lil Christine nafha bħala żagħżugħa Għawdxija, nafha wkoll mix-xogħol tagħha fl-armata ta’malta kont tkellimna l-ewwel darba dwar każ, iżda eventwalment intqajna waqt il-Festa tan-Nadur, niftakar qisu ilbieraħ, fil-marċ, fejn kellna diskussjoni li mill-ewwel il-persuna li kont inkellima fuq it-telephone la darba sirna ħbieb faċilment.”
Intant, dwar dan il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Bridgette Sultana li ħatret bosta esperti biex jgħinuha fl-investigazzjoni.
I have been informed that the person who died in Gozo while practicing the sport of diving is an @Armed_Forces_MT soldier. Condolences to her family & all her colleagues.
— Byron Camilleri (@byroncamilleri) January 18, 2020
Aqra wkoll:
http://www.one.com.mt/2020/01/18/ghawdxin-mahsuda-bil-mewt-tragika-ta-christine-gauci/