Arani Issa reġa’ fetaħ biebu beraħ biex ibiddel il-ħajja tal-ifqar fost il-fqar, din id-darba f’Tagaytay fil-Filippini.
Fil-programm tal-illejla, il-preżentatur Joseph Chetcuti u t-tim tiegħu se jmexxu ġabra b’risq dawn il-persuni. Chetcuti kien għamel xi żmien il-Filippini biex jaħdem mal-foqra, u qal li kien emozzjonat immens meta ra b’għajnejh liema faqar jgħixu fih dawn il-persuni.
Ma’ ONE News, Chetcuti qal li iktar minn qatt qabel, dawn għandhom bżonn iżjed għajnuna wara li ġimgħat ilu żbroffa l-vulcan li jinsab madwar 75 kilometru ‘l bogħod mill-kapitali, Manila.
L-iżbroff kien segwit minn terremoti pjuttost qawwija, li ħallew ħerba fil-pajjiż.
Joseph Chetcuti sostna: “Aħna f’Arani Issa nbiddlu l-ħajja tal-Maltin minn lejl għan-nhar. Din id-darba ejja ħa nibdlu l-ħajja ta’ dawn it-tfal, li wara kollox huma ħutna għax huma parti mid-dinja tagħna, li huma inqas ixxurtjati minnha, ejja ħa ntuhom id-dinjità li jistħoqqilhom u għalhekk illejla kunu magħna f’Arani Issa, jien se nkun qed nistennikhom, jiena u tim tiegħi ta’ Arani Issa, sabiex id-dinja nagħmluha naqra aħjar, b’dik ix-xi ħaġa żgħira.”