Mara ta’ 47 sena minn Wied il-Għajn qed isoffri minn ġrieħi serji wara ħabta bejn żewġ karozzi fil-bypass tal-Imsida.
Il-każ seħħ għal ħabta tas-siegħa ta’ waranofsinhar meta l-mara ta’ 47 sena li kienet qiegħda ssuq karozza tal-għamla Toyota Corolla ħabtet ma’ karozza oħra tal-għamla Alfa Romeo Mito, misjuqa minn tfajla ta’ 18 sena li togħqod in-Naxxar.
Fil-karozza flimkien mal-vittma kien hemm tifla ta’ ħames snin li kienet passiġġiera.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u ambulanza ħadet lill-mara ta’ 47 sena l-Isptar Mater Dei fejn aktar tard ġiet iċċertifikata li qed isofri minn ġrieħi serji. Il-persuni l-oħra involuti fl-inċident ma sofrew l-ebda ġrieħi.
Dwar il-każ inħatret inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Nadine Lia li ħatret bosta esperti biex jassistuha.
L-investigazzjonijiet tal-pulizija dwar dan l-inċident qed jitmexxew mill-pulizija tad-Distrett.