F’laqgħa f’Kastilja, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, il-Perit David Xuereb ippreżenta lill-Prim Ministru Robert Abela dokument li tħejja fl-aħħar ġimgħat b’għadd ta’ suġġerimenti biex titjib il-governanza f’pajjiżna.
Huwa laqa’ d-deċiżjonijiet li ħa Dr Abela fl-aħħar jiem u qal li jinsabu sodisfatti ħafna bl-istrutturi li poġġa madwaru.
Il-Perit David Xuereb qal li din l-opinjoni ġejja wkoll mill-membri tal-Kamra tal-Kummerċ, fejn qegħdin iħossu ġenwinità u konsistenza fid-deċiżjonijiet li qegħdin jittieħedu biex tissaħħaħ il-governanza.
Huwa qal kif f’dawn l-ewwel jiem huwa importanti li jibda jitmexxa l-messaġġ kemm f’Malta u kemm barra minn xtutna, li l-bidla se tkun waħda effettiva għall-pajjiż u mhux kosmetika.
Qal li dak li sar tajjeb fl-aħħar sitt snin għandu jissaħħaħ, filwaqt li jittranġa dak li sar ħażin fl-aħħar xhur u li għamel ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta.
Huwa temm jappella biex il-Gvern jaddotta s-suġġerimenti li għamlet il-kamra fid-dokument tagħha dwar il-governanza.