Bejn April u Ġunju kien hemm ħames inċidenti ta’ traffiku fatali. F’dawn it-tliet xhur, l-ammont ta’ inċidenti tat-traffiku li ġew irrapportati żdied bi kważi 6% biex laħqu l-4,331.
L-ammont ta’ persuni li weġgħu żdied bi kważi 9% f’dan il-perjodu meta mqabbel ma’ sena qabel. Jiġifieri weġġgħu 498 persuna, 321 minnhom kienu sewwieqa.
273 sewwieq sofra ġrieħi ħfief filwaqt li 46 oħra sofrew ġrieħi gravi. Disa’ passiġġieri u 25 persuna li kienet miexja fit-triq sofrew ġrieħi gravi. 100 passiġġier u 40 persuna fit-triq ndarbu ħafif.
Kien hemm żewġ sewwieqa, passiġġier u persuna li kienet miexja fit-triq li tilfu ħajjithom.
Bejn Jannar u Marzu, l-ikbar ammont ta’ inċidenti seħħew f’Birkikrara, Ħal Qormi u l-Marsa.
L-irġiel kienu dawk li l-aktar li ndarbu jekk inħarsu lejn l-ewwel kwart tas-sena. Infatti bejn Jannar u Marzu, 413 raġel u 177 mara ndarbu ħafif. 80 persuna ndarbu gravi, fil-maġġoranza tagħhom irġiel. Erba’ rġiel u mara tilfu ħajjithom.
L-iktar jum bl-ikbar ammont ta’ inċidenti li fihom indarbu n-nies kien il-Ħadd – tant li 17.5% tal-inċidenti kollha bil-midruba seħħew il-Ħadd. L-iktar jum li fih seħħew inċidenti kien it-Tnejn, u l-inqas nhar ta’ Ħadd. Jiġifieri filwaqt li l-Ħadd iseħħew inqas inċidenti, dawk li jseħħu jkollhom konsegwenzi koroh.