M’ilux wisq li tajna merħba lix-xahar t’Awwissu. Malli jdawru l-kalendarju (jekk idawruh – ta’ ħafna jkun għadu jimmarka Jannar) ħafna jtennu kliem li fettlilna nistaqsu xi jfisser: Awwissu, la tarah u lanqas tmissu. Imma x’tara? Xi tmiss? Tkellimna mal-Professur tal-Malti Manwel Mifsud. Skoprejna li din hija biss varjazzjoni, u fil-verità l-qawl jirreferi għall-biedja u t-temp.
Fi kliem il-professur
Aħna l-Maltin għandna ħafna qwiel, imma l-aktar fejn jidħlu t-temp u l-biedja. Tifhimha, għaliex dari bosta minna kienu jgħixu mill-biedja. Tista’ tgħid li kull xahar għandu l-qwiel tiegħu, li bihom l-għerf u l-esperjenza tal-missier kienu jgħaddu għal għand ibnu.
AWWISSU
L-aktar qawl popolari fuq Awwissu jgħidilna li: Awwissu, ix-xemx taħarqu u x-xita tmissu. Dan il-qawl għandu ħafna varjanti, l-aktar marbutin mal-frott, li bħalissa jkun fl-aqwa tiegħu. Tisma’ min jgħidlek: F’Awwissu, it-tin tibda tmissu jew F’Awwissu, l-għeneb iħallik tmissu. Ġieli mbagħad nisimgħu lil xi ħadd li dal-qawl idawru biex iġibu ftit ħamallu u jdaħħaq lil ta’ madwaru.
It-tifsira tal-qawl oriġinali hija ċara: f’Awwissu x-xemx taħraqna u taħqarna kemm tiflaħ… imma lejn tmiemu mhix l-ewwel darba li tagħmel xi bexxa xita (kemm tmissu), jekk ma tilħaqniex ukoll it-taqliba tat-temp li soltu jagħtina Settembru. Mela huwa xahar ta’ kuntrast fil-klima, kuntrast li jidher f’xi qwiel oħra: Xemx u xita, Alla jaf meta, jew Ix-xita u x-xemx, tgħammed Tork!
Kos, kemm hemm għerf u tradizzjoni fil-qosor ta’ dawn il-qwiel!