Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma Richard Bilocca assigura li l-ilma li qiegħed jasal fid-djar tal-familji Maltin u Għawdxin huwa tajjeb għax-xorb.
Huwa qal dan b’reazzjoni għal studju li ġie ppubblikat il-Ħamis fl-Unjoni Ewropea li jqabbel l-ilma tax-xorb ma’ tip ta’ kanċer partikolari.
Dan l-istudju analizza parametri li jkun hemm fl-ilma, kimika partikolari li toriġina mill-klorin u tagħmel assunzjonijiet, bejn din il-kimika u l-inċidenza ta’ dan it-tip ta’ kanċer.
Il-Kap Eżekuttiv serraħ ras kulħadd li l-ilma li qiegħed jasal għand in-nies huwa mija fil-mija tajjeb għall-konsum tal-bniedem.
Is-Sur Bilocca spjega: “L-ilma tagħna jiġi ttestjat, eluf ta’ testijiet, l-ilma li jasal għand in-nies jgħaddi minn eluf ta’ testijiet.
Dawn it-testijiet iridu jilħqu limiti stretti ħafna tal-Unjoni Ewropea u din il-kimika partikolari, il-limitu tagħha huwa 100 u l-average tar-riżultat tagħna huwa vicin il-50 u f’kemm ilhom isiru dawn it-testijiet qatt ma kellna sample wieħed li jaqbeż il-limitu tal-Unjoni Ewropea. Jiġifieri m’hemm l-ebda raġuni għall-allarm.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tenna li dan l-istudju huwa msejjes fuq għadd ta’ assunzjonijiet.
Qal li l-kwalità tal-ilma f’Malta tilħaq il-limiti kollha stabbiliti mid-Direttiva tal-Ilma tax-Xorb, iżda saħaq li korporazzjoni xorta waħda kuljum qed taħdem biex tkompli ttejjeb il-livell tal-ilma f’Malta.
“Diġà spjegajna kemm-il darba kif qegħdin intejbu l-kwalità tal-ilma, l-ilma se jibda jkollu togħma aħjar u parti minn dan il-proċess li huwa proġett massiv, proġett li wkoll jaqbeż il-€150 miljun, anke din il-kimika ħa tkun qegħda tonqos”, sostna s-Sur Bilocca.
Il-Kap Eżekuttiv sostna li mhux talli l-ilma f’Malta jilħaq il-limiti kollha stabbiliti mill-Unjoni Ewropea, iżda l-Korporazzjoni qiegħda tkompli taħdem biex jibqa’ jasal dejjem prodott aħjar fid-djar tal-familji Maltin u Għawdxin.