Tnax-il koppja mistennija jilqgħu wild ġdid fil-jiem li ġejjin bis-saħħa ta’ servizzi tal-IVF offruti fl-isptar Mater Dei u fil-privat.
Dan ikkonfermatu ma’ ONE News id-Direttur tal-Awtorità dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni, Simone Attard.
Hija spjegat: “S’issa għandna 323 tarbija li twieldu minn dawn is-servizzi. 187 twieldu minn servizzi b’xejn f’Mater Dei u għandna 12-il koppja oħra li qed nistennewhom iwelldu fil-ġranet li ġejjin.”
F’Ottubru tal-2018 daħlu fis-seħħ emendi ġodda fil-liġi tal-IVF li wessgħu s-servizzi mogħtija f’pajjiżna u taw ċans lil aktar persuni jew koppji jsiru ġenituri.
Dr Attard spjegat li fost l-oħrajn, koppja jew persuna li għaddejja b’dan il-proċess tista’ tagħżel li tiffertilizza sa ħames bajdiet. Xi ħaġa li ilha disponibbli biss mid-dħul fis-seħħ tal-emendi l-ġodda fil-liġi.
“Kien permess biss f’każijiet eċċezzjonali u tajna tliet awtorizzazzjonijiet imma issa huwa parti mill-proċedura. Koppja tista’ tagħżel jew li tiffertilizza skont il-proċedura l-antika jew inkella tuża l-massimu ta’ ħames bajdiet li jistgħu jiġu ffertilizzati”, kompliet tispjega Dr Attard.
F’Malta bħalissa huwa permess tip partikolari ta’ donazzjoni, iżda l-Awtorità tinsab fil-proċess biex tkun tista’ tawtorizza donazzjonijiet minn persuni barranin.
Dr Attard sostniet: “Hemm dik li nsejħula direct donation, fejn il-persuna li se tagħmel użu mill-proċess ikollha donatur Malti li taf min hu. Il-liġi tispeċifika li ma jistax jiġi mill-persuna u hemm grad ta’ kemm ma jkunx jista’ jiġi minnha. Hemm ukoll donazzjoni ta’ importazzjoni ta’ gameti minn barra ta’ dak li nsejħulu non-partner third party donation.”
Fl-istess ħin l-Awtorità għaddejja b’ħidma biex twaħħad b’sistema diġitali, il-kliniċi kollha illiċenzjati li jagħtu dawn is-servizzi mal-Awtorità.