L-Ewro-Parlamentari Malti Alex Agius Saliba ġie elett bħala Ko-Ordinatur tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fuq il-Kumitat tal-Petizzjonijiet magħruf bħala l-PETI.
Agius Saliba, huwa l-iżgħar Membru Parlamentari Ewropew fi ħdan l-S&D elett bħala Koordinatur għal din il-leġislatura.
Il-Kumitat tal-Petizzjonijiet għandu rwol importanti ferm sabiex jiddentifika l-problemi liċ-ċittadini Ewropej qed jiltaqgħu magħhom b’relazzjoni mal-liġi Ewropea.
Il-PETI għandu wkoll ir-responsabbiltà li jara li d-drittijiet u anke l-opportunitajiet li ġġib il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea tkun ta’ benefiċċju dirett għaċ-ċittadini.
L-Ewro-Parlamentari Agius Saliba qal li bħala Ko-Ordinatur se jiżgura li jibqa’ jipproteġi l-interessi taċ-ċittadini filwaqt li jpoġġihom fil-qalbha tax-xogħol li qed jagħmlu l-Ewro-Parlamentari tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi (S&D) f’dan il-kumitat.
Sostna li dan il-kumitat jagħtina opportunità unika sabiex ikollna kuntatt dirett maċ-ċittadini dwar bosta sitwazzjonijiet li jkunu għaddejin minnhom u b’hekk iduru għall-għajnuna tal-kumitat.
Bħala Ko-Ordinatur, Alex Agius Saliba se jkollu rwol importanti bħala medjatur u kelliem uffiċjal tal-grupp politiku li jappartjeni għalih, tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi. Huwa se jkun ukoll inkarigat li jikkordina l-pożizzjonijiet tas-S&D fuq bosta rapporti u leġiżlazzjonijiet li jaqgħu taħt dan il-kumitat.
Dr Agius Saliba ta ħajr lill-kollegi tiegħi fi ħdan il-grupp tas-S&D li għażluh sabiex iservi f’din il-kariga u wiegħed li se jkun fuq quddiem sabiex jaċċerta li l-istituzzjonijiet Ewropej jisimgħu l-bżonnijiet taċ-ċittadini u jindirizzaw in-nuqqasijiet li jeżistu.