Fl-aħħar sentejn tħawlu iktar minn 2000 siġra grazzi għall-programm LEAF tal-għaqda mhux governattiva Nature Trust. Dan intqal waqt ċerimonja tal-għoti ta’ ċertifikati lil 31 skola madwar Malta li fl-aħħar sena ħadmu qatigħ favur l-ambjent. One News tkellem ma’ wħud mill-istudenti rappreżentanti ta’ diversi skejjel li attendew għal din iċ-ċerimonja.
Huma tkellmu dwar il-ħidma ambjentali tagħhom matul l-aħħar sena. 13 mill-31 skola ingħataw ċertifikat għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-programm Tree Your Town ffinanzjat mill-Ministeru għall-Ambjent. Programm li permezz tiegħu matul l-aħħar sena tħawlu 600 siġra u arbuxella madwar il-lokalità rispettiva tagħhom.
Preżentament 52 skola jipparteċipaw fil-programm LEAF. Il-President ta’ Nature Trust, is-Sur Vince Attard spjega kif permezz ta’ dan il-programm qed jinbet iżjed l-għarfien favur it-tħaddir tal-lokalitajiet tagħna, fost it-tfal sa minn età żgħira.
Fi tmiem l-attività l-istudenti preżenti għal din iċ-ċerimonja ngħataw numru ta’ speċi indiġeni sabiex ikunu jistgħu jħawwluhom fl-iskejjel tagħhom.