L-eks chief of staff fl-uffiċċju tal-Prim Minsitru Keith Schembri ma kienx preżenti f’laqgħat bejn il-Pulizija u l-eks Prim Ministru Joseph Muscat wara li isem Schembri kien instema’ għall-ewwel darba fir-recordings bejn il-middleman u l-allegat mandant Yorgen Fenech.
Dan ikkonfermah il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar waqt li kien qed jixhed fil-kawża li Fenech fetaħ kontra l-ispettur Keith Arnaud. Il-Kummissarju spjega li l-laqgħat li kienu saru f’Kastilja kienu marbuta mat-talba tal-proklama ta’ Vince Muscat, wieħed mill-eżekuturi fid-delitt ta’ Caruana Galizia.
Il-Kummissarju spjega li sa dak l-istadju Keith Schembri ma kien issemma fl-ebda interċetazzjoni li kellhom il-Pulizija. Qal li Schembri ssemma biss fir-recordings li nstabu fil-pussess ta’ Melvin Theuma wara l-arrest tiegħu.
Fix-xhieda tiegħu li aktar tard ġiet kkonfermata minn Keith Arnaud, iI-Kummissarju spjega li l-Pulizija għażlet li tibni każ ta’ ħasil tal-flus kontra Theuma qabel ma pproċediet bit-tfittxija u sussegwentament bl-arrest.
Dan sar fuq parir tal-Kummissarju li huwa wkoll parti mit-taskforce li fiha hemm ukoll uffiċjali tal-Europol. Cutajar spjega li l-Pulizja ma xtaqitx twettaq tfittxija fuq il-middleman malli kellhom suspetti fuqu minħabba l-biża’ li l-każ seta’ jisfaxxa f’każ ta’ nuqqas ta’ evidenza.
Is-Sur Cutajar spjega li hawnhekk, mat-task force ġew inklużi l-Pulizija tar-reati ekonomiċi li bdew każ ta’ ħasil tal-flus kontra l-middleman, każ li sussegwentament wassal għall-arrest tiegħu.
Arnaud sostna li fl-ebda ħin ma ttieħdu deċiżjonijiet minn individwi waħedhom. Qal ukoll li l-investigaturi ltaqgħu kemm-il darba mal-familja ta’ Caruana Galizia li kienu sodisfatti bl-investigazzjonijiet li kienu qed isiru.
L-avukati mid-ditti legali ta’ Franco Debono u Gianella Demarco li qed jidhru għall-allegat mandant tal-qtil ta’ Caruana Galizia staqsew ukoll dwar leaks mill-investigazzjonijiet.
Arnaud spjega li f’Novembru li għadda kien infurmat li The Times kellhom l-informazzjoni kollha dwar il-każ. Qal li ltaqa’ magħhom u spjegalhom li jekk tiġi ppubblikata l-istorja, il-każ kollu kien se jiġi ppreġudikat. Ikkonferma li l-investigazzjoni dwar il-leaks għadhom għaddejjin u qed jitmexxew mill-Iskwadra ta’ kontra r-reati ekonomiċi.
Dwar il-mobile ta’ Keith Schembri, l-Ispettur Arnaud sostna li l-Pulizija għadha qed tinvestiga u saret ħidma mal-inġiniera tal-Vodafone li pprovdew rapport lill-investigaturi.
Mistoqsi għalfejn sa issa ma involvewx lill-FBI sabiex jgħinu fl-interċetazzjoni, Arnaud fakkar li l-Europol tinsab preżenti u tenna li l-Pulizija qed taħdem qatigħ sabiex dan il-mobile jinstab.
B’ġurament Arnaud qal li hu dejjem tkellem ma’ Yorgen Fenech fil-preżenza tal-avukati tiegħu u Pulizija oħra. Qal ukoll li bil-kontra ta’ kif allega Fenech, fl-ebda ħin ma semmielu ismijiet ta’ persuni oħra fosthom Keith Schembri.
It-Tlieta xehdet ukoll rappreżentanta ta’ Infrastruttura Malta fejn spjegat li l-proċess li bih ġiet ingaġġata l-mara ta’ Keith Arnaud fl-aġenzija mexa skont il-proċeduri stabbiliti minn JobsPlus.