Aktar minn 30 mużew u siti li tamminstra Heritage Malta jinsabu f’pubblikazzjoni ġdida li ppubblikat l-aġenzija biex tkompli tkattar l-interess fil-wirt kulturali tal-Gżejjer Maltin.
Il-pubblikazzjoni intitolata ‘Heritage Malta Museums & Sites: The Mediterranean in a Nutshell’ tkopri diversi oqsma fosthom il-ġeoloġija, il-wirt industrijali, l-arkeoloġija, l-etnografija, palazzi u ċimiterji taħt l-art.
ONE News tkellem ma’ wieħed mil-awturi tal-ktieb, Godwin Vella dwar l-għan ta’ din il-pubblikazzjoni.
Vella spjega: “Dan kien l-ewwel darba li Heritage Malta qed toħroġ ktieb ta’dan in-natura, fis-sens li f’pubblikazzjoni waħda għandek ġabra tal-mużewijiet u siti kollha li l-aġenzija tiftaħ b’mod regolari għall-pubbliku.”
Dan il-ktieb li għandu preżentazzjoni attraenti huwa ideali għal dawk kollha li għandhom interess fil-wirt kulturali tal-Gżejjer Maltin, għall-istudenti li għandhom bżonn informazzjoni qasira u preċiża dwar is-siti arkeoloġiċi u storiċi prinċipali, u anki għat-turisti li jixtiequ jieħdu lura magħhom rikordju tal-esperjenza tagħhom f’Malta.
Kull mużew u sit għandu żewġ paġni ddedikati għalihom, fejn b’paġni tipprovdi informazzjoni li tiffoka fuq l-aktar punti sinifikanti li wieħed għandu jkun jaf dwar dawn il-postijiet filwaqt li l-paġna l-oħra tinkludi ritratt tas-sit.
Vella tenna: “30 sit tal-Mużew imferrxa madwar Malta u Għawdex u bażikament ikopru minn kollox, il-fdalijiet pre-istoriku ta’ qabel ma wassal il-bniedem f’għar dalam sa tempji megalitiċi sal-Mużewijiet kollha nazzjonali li nsibu u anke siti oħrajn li huma inqas fid-daqs imma huma daqsheklk interesanti bħal ngħidu aħna il-ħabs l-antik f’Għawdex.”
Il-paġni intriganti jieħdu lill-qarrej fuq vjaġġ ta’ skoperta ta’ dawn il-gżejjer affaxxinanti.