L-Amministrazzjoni tal-General Workers Union (GWU), f’isem il-membri kollha tagħha, tifraħ lil Dr Robert Abela għal ħatra tiegħu bħala mexxej tal-Partit Laburista u Prim Ministru ta’ Malta u tawguralu snin ta’ ħidma għal ġid tal-poplu Malti kollu. Fl-istess waqt, il-GWU tkompli tħares ‘il quddiem għat-tisħiħ tal-koperazzjoni li dejjem żammet b’risq il-ħaddiema ma’ diversi oqsma tal-Gvern.
Il-General Workers Union temmen li Dr Abela għandu l-kwalitajiet kollha meħtiega biex jgħaqqad lill-pajjiż u kif diġà stqarr fl-ewwel diskors tiegħu, hu għandu jpoġġi l-interessi tal-ħaddiema fuq nett tal-aġenda soċjali tal-Gvern iffurmat minnu.
F’dan il-kuntest, il-GWU tesprimi s-sodisfazzjon tagħha għall-impenn tal-Prim Ministru l-ġdid li jwettaq fil-prattika l-prinċipju ta’ ħlas indaqs lill-ħaddiema li jagħmlu l-istess xogħol fl-istess post tax-xogħol u b’hekk titrażżan kemm jista’ jkun kull diskriminazzjoni li għadha teżisti f’ċerti postijiet tax-xogħol.
Filwaqt li tifhem ir-responsabbiltà u l-impenn li ġġorr magħha l-ogħla kariga fit-tmexxija tal-pajjiż u f’dan is-sens il-ħidma iebsa li l-Prim Ministru se jkollu quddiemu fis-snin li gejjin, il-GWU tħossha konvinta li Dr Robert Abela kif wiegħed li se jagħmel, se jkompli jibni fuq il-mizżuri tal-Prim Ministru preċedenti lejn aktar tat-tisħiħ ekonomiku li mhux biss iwassal għal aktar impjiegi ta’ kwalità f’pajjiżna imma wkoll li jkattar il-ġid f’pajjiżna li minnu jgawdi l-poplu kollu.
Il-GWU tħeġġeġ ukoll lill-Gvern li dalwaqt se jkun iffurmat sabiex ikattar ħidmietu favur il-batuti u dawk li jifilħu l-inqas fis-soċjetà, partikularment il-pensjonanti u l-persuni b’diżabilità sabiex dawn ikollhom ħajja diċenti bħall-kumplament tas-soċjetà f’pajjiżna. Għaldaqstant, il-GWU hija kommessa li tkompli tappoġġja lill-Gvern fit-twettiq ta’ miżuri bħalma huma dawn.
Il-General Workers Union, bħala wieħed mill-imsieħba soċjali ewlenin f’pajjiżna, temmen li għandha ħafna x’tikkontribwixxi u lesta li tgħin fejn meħtieġ. Tant hu hekk li malli jiġi ffurmat il-Gvern, il-GWU se titlob laqgħa mmedjata mal-Prim Ministru Dr Abela dwar is-sitwazzjoni preżenti fil-pajjiż.