Wara intervent mediku u ġimgħat irtirat mix-xena politika bħala parti mir-rijabilitazzjoni, is-Segretarju Parlamentari Ian Borg qal li minn għada se jissokta bil-ħidma Ministerjali tiegħu. Huwa rringrazzja lil dawk kollha li kienu ta’ għajnuna matul l-aħħar ġimgħat.
Is-Segretarju Parlamentari kien spjegalna li fix-xhur li għaddew, waqt li kien qed jagħmel eżerċizzji sportivi, induna li kien hemm xi ħaġa mhux tas-soltu fuq in-naħa ta’ wara t’irkopptu.
Fi kliemu, il-problema li identifikawlu ma kinitx daqstant komuni u ma sabx ruħu f’ċirkostanzi sbieħ. Minkejja dan huwa kien sodisfatt li l-intervent irnexxa u jinsab determinat biex jissokta bil-ħidma.