Il-membri tal-Kungress tal-Partit Laburista qegħdin imorru jivvutaw bi ħġarhom għall-elezzjoni ta’ mexxej.
Il-proċess tal-votazzjoni qed jitmexxa b’ritmu tajjeb, bin-nies jidħlu fil-postijiet tal-votazzjoni mxerdin fuq tlettax-il distrett u jivvutaw.
F’kull post ta’ votazzjoni, ħafna minnhom ċentri laburisti, hemm mejda għal kull lokalità u b’hekk il-membri mhux qed idumu biex jivvutaw f’din l-elezzjoni.
Bosta għażlu li jmorru jivvutaw kmieni, hekk kif fit-8am fetħet il-votazzjoni li għandha miftuħa sat-8pm.
Għall-ewwel darba fl-istorja l-Kungress tal-Partit Laburista qed jagħżel mexxej ġdid tal-Partit Laburista f’eżerċizzju wiesa’ demokratiku.
Il-Partit Laburista se jkollu d-disa’ mexxej tiegħu hekk kif jinsab fuq l-għatba li jiċċelebra l-mitt sena mit-twaqqif tiegħu.
L-għadd tal-voti għall-elezzjoni tal-mexxej tal-Partit Laburista se jsir fis-sala ewlenija taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun.