Marko Stojanovic kien illiberat wara li ġie mixli li ma rrispettax lir-residenti meta allegatament għamel storbju b’loudspeaker u li rreżista l-arrest waqt festin tal-Milied.
F’seduta ppreseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea, il-Qorti ċanfret lill-pulizija li fi kliemha kellha tindirizza aħjar dan il-każ, fi kliemha trivjali.
Aktar qabel fil-Qorti intqal li l-pulizija fl-għassa tal-Qawra rċeviet telefonati mill-ġirien li kien hemm ħafna storbju li kien ġej minn blokka appartamenti fil-Qawra.
Żewġ uffiċjali tal-Pulizja marru fuq il-post u semgħu l-istorbju.
Meta raw li ħadd ma fetħilhom il-Pulizija ċaqqilqu xi siġġijiet li kienu fil-gallarija u setgħu jilħquhom mit-taraġ tal-parapett. Kien f’dan il-mument li l-akkużat ħareġ fil-gallarija u ntalab mill-Pulizija sabiex jiftaħ il-bieb.
Il-Qorti esprimiet id-dubji tagħha ta’ kemm kienet għolja l-mużika għaliex in-nies fl-appartament semgħu lill-Pulizija jċaqilqu s-siġġijiet tal-plastik.
Meta evalwat l-evidenza kollha miġjuba quddiemha, il-Qorti illiberat lil Stojanovic minn kull akkuża.