Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia, fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi l-Kurunell Alexander Dalli, żar ir-rekluti li din il-ġimgħa bdew ir-reklutaġġ fi ħdan l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi. 38 rekluta, fosthom 6 nisa, imbarkaw għal taħriġ ta’ 16-il ġimgħa fejn se jingħataw tagħlim neċessarju rigward il-funzjonijiet tal-uffiċjali korrettivi.
F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-Kap Eżekuttiv Dalli qal li r-reklutaġġ hu bbażat fuq il-funzjonijiet tal-uffiċjal korrettiv li jinkludu d-dixxiplina u l-ubbidjenza. Is-Sur Dalli qal li għall-ewwel darba, wara li jissieħbu fl-aġenzija r-rekluti se jkollhom l-opportunità li javvanzaw fil-karriera tagħhom. Irringrazzja lill-Ministru Farrugia tas-sapport u tal-ħidma kontinwa tiegħu fi ħdan l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi.
Il-Ministru Michael Farrugia qal li dawn ir-rekluti se jkunu qed isegwu diversi suġġetti inklużi t-tifi tan-nar, il-first aid, il-kontroll ta’ persuni li jkunu vjolenti u kif ikunu ta’ għajnuna fir-riabilitazzjoni tar-residenti.
Il-Ministru Michael Farrugia żied li bħalissa għaddejjin bidliet kbar fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fejn għall-ewwel darba sar investiment bla preċedent u nxtraw scanners u baggage scanners. Sar investiment ukoll li jgħin lir-residenti tal-faċilità fir-riabilitazzjoni tagħhom. Il-ministru semma li għall-ewwel darba se jiġi diskuss ftehim settorali mar-rappreżentanti tal-ħaddiema li bih se jibbenefikaw minnu l-uffiċjali tal-aġenzija.
Għall-ewwel darba fil-faċilità nħolqot struttura ta’ management. Ħarġu sejħiet għal persuni li qegħdin fi grad ta’ management u fi grad ta’ uffiċjal korrettiv u għall-ewwel darba wkoll ingħataw il-promozzjonijiet għall-uffiċjali korrettivi.
Il-Ministru kompla li l-uffiċjali korrettivi li jagħmlu parti mill-Korpi Dixxiplinati għandhom responsabbiltà li jeżerċitaw id-dmirijiet tagħhom anke lil hinn mill-faċilità. Il-Ministru awguralhom l-ikbar suċċess kif ukoll irringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-aġenzija għall-ħidma tagħhom.
L-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi bħalissa għandha l-applikazzjonijiet miftuħa għal uffiċjali korrettivi fejn ir-reklutaġġ hu maħsub li jibda f’Mejju li ġej.
Ritratti (MHAS)