Matul il-jum tas-Sibt aktar minn 17,000 ruħ mistennija jivvutaw fl-elezzjoni sabiex jinħatar Mexxej Laburista ġdid.
Mis-sala tal-għadd tal-voti fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, iċ-Chairman tal-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Labursta Dean Hili spjega li sa issa diġà vvutaw 353 ruħ fis-sessjoni tal-votazzjoni bikrija.
Is-Sur Hili spjega: “Kellna 353 persuna li vvutat malta fl-early voting u kellna wkoll 24 persuna li vvutat għawdex fl-early voting. Għada se nkunu qegħdin nassistu għall-fażi tal-votazzjoni tar-rimanenti votanti. Bażikament għandna 17,531 illi huma intotalati għall-vot u li għada l-maġġorparti tagħhom se jkunu qed jixħtu l-vot fil-polling stations wieħed għal kull distrett li għandna mxerrdin ma’ Malta u Għawdex kollu.”
Dr Hili kompla jispjega li kull distrett elettorali se jkollu post tal-votazzjoni f’ċentru Laburista bil-votazzjoni se tiftaħ il-bibien tagħha fit-8:00 ta’ filgħodu u tibqa’ għaddejja sat-8:00 ta’ filgħaxija. Hili fakkar lil kull min se jivvota biex jieħu miegħu d-dokument tal-vot mibgħut mill-Partit u miegħu dokument legali ta’ identifikazzjoni b’ritratt.
L-għadd tal-voti se jibda malli l-kaxxi jaslu kollha fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. Hemmhekk, il-proċess se jibda bi proċess ta’ rikonċiljazzjoni bħalma jsir f’kull elezzjoni oħra lokali. Is-Sur Hili temm jispjega: “Fit-8:00 ta’ filgħaxija sejrin jingħalqu l-postijiet ta’ votazzjoni u minn hemm se nidħlu fl-aħħar fażi tal-proċess u minn hawnekk se nkunu qed nistennew il-kaxxi kollha jaslu hawnhekk isir ir-rikonċiljament hawnekk ukoll imbagħad jinfetħu l-kaxxi f’din is-sala li intramat bħala counting hall u fuq kull mejda fuq bażi distrettwali jsir l-għadd ta’ kull kaxxa f’din is-sala wkoll.”