Il-Kappella ta’ San Ġakbu fin-Naxxar, il-Kappella ta’ Santa Katerina fl-Imqabba, il-Kappella ta’ Sant’ Anna f’Ħ’Attard, il-Kappella tas-Salvatur fiż-Żejtun, It-Torri tal-Wardija fiż-Żurrieq, in-niċċa ta’ San Mikiel fil-Qrendi, l-istatwa ta’ Dawret Ħal Għaxaq, f’Ħal Għaxaq, il-Kappella ta’ Santa Marija f’Ħal Safi u l-Arkata ta’ San Ġakbu f’Ħal Kirkop se jibbenefikaw mill-iskema ta’ xogħlijiet ta’ restawr għall-kunsilli lokali, skema li tinħareġ mill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali permezz tad-Direttorat tar-Restawr b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Gvern Lokali.Din l-iskema qiegħda fil-ħames sena konsekuttiva tagħha. Ix-xogħlijiet ta’ restawr fuq dawn id-disa’ postijiet storiċi se jseħħu fuq perjodu ta’ 18-il xahar.
L-iskema ta’ ‘Xogħlijiet ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali’ ġiet imnedija fl-2015, bl-għan li tassisti lill-kunsilli lokali fir-restawr ta’ binjiet u monumenti ta’ valur artistiku u/jew storiku li jinsabu fil-lokalità. Fuq bażi annwali, il-kunsilli lokali ta’ Malta jingħataw il-possibilità li jressqu proposti ta’ proġetti għall-konsiderazzjoni tal-Kumitat tal-Għażla maħtur mill-gvern, sabiex jevalwaw l-applikazzjonijiet.
“Bl-implimentazzjoni tagħha, din l-iskema qiegħda tipprovdi assistenza sinifikanti matul is-snin lil lokalitajiet differenti. Is-siti u monumenti storiċi jagħmlu parti essenzjali mit-tfassil tal-identità ta’ pajjiżna u permezz ta’ inizjattivi hekk nistgħu nippreservaw dawn il-postijiet storiċi għall-ġenerazzjonijiet futuri”, qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici.
Sa issa saru 19-il proġett ta’ restawr fi 19-il lokalità differenti taħt din l-iskema.
Il-valur tal-proġetti individwali li jseħħu permezz ta’ din l-iskema jvarja minn €25,000 għall-€60,000, u jiddependi mis-skala tal-monument/binja u min-natura tar-restawr involut.