Illum, f’ġurnata ta’ luttu, ser tingħata l-aħħar tislima lill-Kardinal Malti Prospero Grech.
Bħalissa, il-fdalijiet tal-Kardinal Grech jinsabu fil-kappella tal-kunvent għall-qima tal-pubbliku, fejn hemmhekk wieħed jista’ jiffirma l-ktieb tal-kondoljanzi. Intant f’nofsinhar tindaqq mota funebri fil-knejjes kollha f’Malta u Għawdex.
Fis-1:40pm, it-tebut jittieħed fil-Katidral Metropolitan ta’ San Pawl, l-Imdina, u fis-2pm issir quddiesa praesente cadavere b’suffraġju għall-Kardinal, ippreseduta mill-Arċisqof Charles J. Scicluna.
Flimkien mal-Arċisqof ser jikkonċelebraw l-Arċisqof Alessandro D’Errico, Nunzju Appostoliku għal Malta; l-Isqof Mario Grech, Amministratur Appostoliku tad-Djoċesi ta’ Għawdex; l-Isqof Joseph Galea-Curmi; u l-Isqof Pawlu Darmanin, Isqof Emeritu tad-Djoċesi ta’ Garissa, il-Kenja.
L-Ordni Agostinjan ser ikun rappreżentat mill-Vigarju Ġenerali, Patri Joseph Farrell, flimkien mal-Assistent Ġenerali Patri Edward Daleng. Il-Provinċja Agostinjana Maltija ser tkun rappreżentata mill Pirjol Provinċjali Patri Leslie Gatt u għadd ta’ reliġjużi oħra tal-Provinċja. Magħhom ser jikkonċelebra wkoll Patri Alexander Longs f’isem il-Komunità ta’ Santa Monika f’Ruma, fejn il-Kardinal għex għal aktar minn 60 sena.
Il-kongregazzjoni ser tkun immexxija mill-President ta’ Malta Dr George Vella. Wara l-Quddiesa, id-difna tkompli f’forma privata.
Il-Provinċja Agostinjana Maltija tixtieq li minflok fjuri jintbagħtu għotjiet ta’ karità lid-Dar tal-Provindenza jew lis-Segretarjat għall-Missjonijiet Agostinjani, li kienu tant għal qalb il-Kardinal Prospero Grech.
Il-Kardinal Malti miet fit-30 ta’ Diċembru tal-2019.