“Permezz tax-Shadow Minister Jason Azzopardi, l-Oppożizzjoni għażlet li tibqa’ taġixxi b’mod irresponsabbli, tibqa’ tippersisti fl-iżball u tibqa’ iżolata.”
Dan intqal fi stqarrija tal-Ministeru għall-Ġustizzja, filwaqt li jingħad ukoll kemm huwa inaċċettabbli li l-Oppożizzjoni ddawwar l-att kundannabbli ta’ mibegħda fuq il-Koran f’ballun politiku. “Huwa iktar inaċċettabbli li tipprova tallarma s-soċjetà li l-Gvern neħħa xi protezzjoni kontra dawn l-atti meta fil-fatt sar preċiżament bil-maqlub, u l-protezzjoni kontra l- mibegħda reliġjuża ssaħħet” tkompli tgħid l-istqarrija.
Permezz ta’ emendi riċenti għall-Kodiċi Kriminali, il-Gvern ra li jimmodernizza l-liġi sabiex f’pajjiżna jkun hawn inqas ċensura u wessa’ l-kritika u s-satira li hija aċċettabbli li ssir f’soċjetà demokratika. L-Oppożizzjoni tant hija kontra li jkollna iktar libertà ta’ espressjoni, partikolarment dik artistika, li sal-lum qed tipprova tħawwad l-imħuħ.
Ir-realtà hija li l-Gvern saħħaħ il-liġi li tipproteġi s-soċjetà minn atti ta’ mibegħda jew vjolenza fuq ir-reliġjon. L-Oppożizzjoni dan tafu għaliex hi stess ivvutat favur dan it-tisħiħ fil-laqgħa nru 105 tal-Kumitat għall-Konsiderazzjoni tal-Abbozzi ta’ Liġijiet li saret nhar it-Tlieta 5 ta’ Lulju, 2016.
L-Oppożizzjoni hija waħedha f’dan l-attakk żbaljat. Kull min qara l-liġi jaf, u qed jiddikjara pubblikament, li l-emendi jipprovdu biex min jikkritika jew jagħmel satira artistika fuq reliġjon ma jiffaċjax pieni kriminali, iżda min jesprimi bi kwalunkwe mod jew jagħmel atti ta’ mibegħda fuq ir- reliġjon se jsib ma’ wiċċu liġi aktar qawwija.
Il-Gvern jappella lill-Oppożizzjoni biex tieqaf tkun partiġġjana fuq kollox u f’kull ħin, u fi kwistjonijiet importanti bħal dawn tpoġġi l-interess pubbliku l-ewwel u qabel kull kunsiderazzjoni oħra.