Qiegħed fil-politika għas-servizz tan-nies, mhux bil-kontra. Biex inservi lill-poplu tagħna b’integrità u b’serjetà u mingħajr ebda interess ieħor.
Waqt il-programm Rasimbras fuq Televixin Malta, id-Deputat Prim Ministru u kandidat għal Mexxej tal-Partit Laburista Chris Fearne tenna l-impenn tiegħu li mit-Tnejn li ġej il-pajjiż jerġa’ jirranka bir-ritmu pożittiv li kien għaddej bih.
Dan għax joffri serħan il-moħħ u garanzija ta’ għaqda u lealtà.
Dr Fearne stqarr: “Jien qiegħed noffri li jekk nhar it-Tnejn inkun il-Prim Ministru, min-nhar it-Tnejn stess nibda d-diskussjonijiet biex il-pajjiż jimxi ‘il quddiem. Allaħares hawn xi ħadd li jrid il-pajjiż imur lura, jew li jrid ikisser lil pajjiż. Dik ma nittolerawhiex. Imma iva, naħdmu kollha flimkien biex il-pajjiż immexxuh ‘il quddiem. Biex naħdmu kollha għal għan wieħed, niġbdu ħabel wieħed. Aħna pajjiż daqs naqra, tkun nieżel mill-ajruplan tara kollha taħtek Malta. Għalfejn għandna noqgħodu ninfirdu bejnietna.”
Chris Fearne fisser kif huwa dejjem kien leali lejn il-Partit Laburista u l-mexxeja tiegħu. Mill-Perit Dom Mintoff sal-Prim Ministru Joseph Muscat, dejjem serva b’umiltà u ġab l-interess tal-Partit u tal-pajjiż qabel tiegħu.
F’dan il-kuntest, id-Deputat Prim Ministru saħaq li bħalma kien hemm b’konsistenza tul l-aħħar 40 sena, illum qiegħed hawn biex flimkien niktbu kapitlu ġdid imsejjes fuq l-għaqda u l-kontinwità.
L-għaqda li trebbaħna u l-kontinwità fis-suċċess li ksibna flimkien bħala Gvern wieħed magħqud.