Il-wegħda tal-Gvern mas-santwarji tal-annimali ta’ servizzi veterinarji b’xejn, inżammet għal sena oħra, u disa’ għaqdiet mhux governattivi attivi f’dan il-qasam ingħataw bejniethom €33,000 biex tkun ipprovduta lilhom assistenza veterinarja bla ħlas.
L-għaqdiet li se jingħataw €40 għal kull kelb jew qattus huma Carers for Stray and Abandoned Felines, Island Sanctuary Association, National Cat Society, Association For Abandoned Animals, Noah’s Ark Foundation, Animal Care Malta, SPCA Malta, Stray Animals Support Group, u Love For Strays Malta.
Dawn se jibbenefikaw mill-ammont sħiħ mingħajr ma joħorġu spejjeż amministrattivi żejda.
Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri spjega li l-għaqdiet qed jiġu allokati somma globali skont kemm għandhom annimali wara li dan ġie vverifikat mad-database tal-microchip.
Dr Camillieri stqarr: “Qegħdin nagħtu flus lill-NGOs tagħna skont kemm għandhom annimali ġewwa s-santwarji sabiex ikunu jistgħu jkopru l-ispiża veterinarja li jkollha bżonn issir ġewwa s-santwarju. Illum qed nagħtu €33,000 mqassmin lil disa’ NGOs skont il-proporzjon ta’ annimali li għandhom fis-santwarju.”
Fi tmiem il-konferenza, rappreżentati mill-għaqdiet tal-annimali ngħataw envelop bil-flus skont l-għotja li huma eliġibbli għaliha.