Telefonata anonima fuq in-numru wieħed sebgħa wiegħed sebgħa wasslet biex ġew salvati numru ta’ annimali li kienu qed jgħixu f’kundizzjonijiet xokkanti f’razzett f’Ħaż-Żebbuġ.
Filmat li kiseb ONE News juri klieb għadma u ġilda, iduru fir-razzett qalb il-ħmieġ tagħhom stess.
Il-Pulizija mistennija tieħu passi kriminali kontra s-sid tar-razzett, li mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin.
Fil-fatt, il-każ beda jiġi investigat mill-uffiċjali tal-ħarsien tal-annimali immedjatament wara li waslitilhom it-telefonata anonima, fejn fuq il-post marru l-uffiċjali tad-Dipartiment li sabu klieb, fniek u ħamiem f’kundizzjonijiet ħżiena ħafna.
B’kollox kien hemm ħamest iklieb, sebat ifniek, żewġ tiġieġ u ħamiema.
Id-Direttur tal-Animal Welfare, Noel Montebello, spjega x’jiġri f’każijiet bħal dawn. Huwa spjega: “Aħna immedjatament wara li nirċievu call mill-1717, immorru immedjatament u fejn insibu li hemm il-ħażin, aħna nikkonfiskaw. Illum għall-grazzja t’Alla, għandna liġi b’saħħitha ħafna, liġi li emendajna s-sajf li għadda u proprju liġi li tagħtina iżjed saħħa li nikkonfiskaw u nagħtu ħajja aħjar.”
Is-Sur Montebello spjega x’ser jiġri issa ġaladarba l-annimali li ttieħdu mir-razzet f’Ħaż-Żebbuġ jingħataw il-kura li għandhom bżonn.
Huwa stqarr li “Kien każ ikrah fil-fatt anki mill-vidjo deher li l-klieb tħallew bil-guħ għal ħin twil u llum il-ġurnata dawn ħa jittieħdu l-isptar jieħdu l-kura u jkun hemm proċess ta’ rehoming through an NGO biex dejjem id-diliġenza ta’ wara dejjem issir through an NGO.”