Inħeles minn kull akkuża Claus Peter Reisch, il-Kaptan tal-bastiment MV Lifeline li f’Mejju tas-sena l-oħra kien instab ħati li ma kellux ir-reġistrazzjoni tal-vapur konformi mal-liġijiet u kien immultat €10,000.
Fid-deċiżjoni tagħha llum, il-Qorti tal-Appell Kriminali illiberatu minn kull akkuża u neħħitlu l-multa.
Reisch kien il-Kaptan tal-bastiment li salva 234 immigrant li kienu bejn sema u ilma. Każ li kien qajjem tilwima internazzjonali, meta l-bastiment kien trakka fil-Belt u wara, l-immigranti salvati tqassmu bejn numru ta’ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea.
Il-Kaptan kien akkużat li daħal fl-ibħra territorjali Maltin mingħajr ir-reġistrazzjoni jew liċenzja meħtieġa.
L-avukati tiegħu kienu appellaw u argumentaw li l-vapur kien irreġistrat kif suppost taħt il-bandiera Olandiża.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera bidlet is-sentenza u qalet li r-raġel ma kellux bażi fuq xiex jinstab ħati.