Hekk kif is-Sibt li ġej ser issir l-elezzjoni għal Mexxej tal-Partit Laburista, dawk eleġibbli għall-vot rċivew in-notifika meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jixħtu l-vot tagħhom, f’wieħed mit-13-il post tal-votazzjoni madwar Malta u Għawdex.
Spjega dan iċ-Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Laburista Dr Dean Hili, li qal li dawn il-persuni BISS huma eleġibbli li jidħlu fil-post tal-votazzjoni nhar is-Sibt li ġej.
Dr Hili spjega: “Bażikament iridu jieħdu dan id-dokument magħhom fil-post tal-votazzjoni allokat lilhom flimkien ma’ dokument uffiċjali maħruġ mill-Gvern fejn ikollu ritratt ta’ identifikazzjoni. Kull min ma jkollux wieħed minn dawn iż-żewġ dokumenti mhuwiex intitolat biex jidħol fil-post tal-votazzjoni.”
Għal dawk li għadhom ma rċivewx in-notifika jew inkella tilfuha, Hili spjega li dawn għandhom jagħmlu kuntatt mal-uffiċju elettorali. Dr Hili fisser: “Għaddej proċess bħalissa fejn qegħdin nirċievu rikjesti minn persuni fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista u qegħdin jinħarġu dokument ta’ sostituzzjoni għal dak l-oriġinali. Bażikament bih dan id-dokument tkun tista’ taċċessa l-post tal-votazzjoni u hemmhekk joħroġlok l-aħħar dokument finali li huwa d-dokument tal-vot.”
Meta wieħed jasal fil-post tal-votazzjoni, se jingħata l-polza bir-ritratt taż-żewġ kandidati fuqhom. Dr Hili tenna: “Inti ħa tara ballot paper li fuqu hemm ir-ritratt taż-żewġ kandidati, fuqhom trid tagħmel sinjal salib taħt il-kandidat preferut tiegħek. Sinjal wieħed li huwa ċar u jkun hemm il-post indikat fejn irid isir dan is-salib li permezz tiegħu inti tindika preferenza waħda miż-żewġ kandidati.”
Dwar dawk eleġibbli għall-vot iżda li diġà għamlu dikjarazzjoni li fil-jum tas-Sibt se jkunu msiefrin, Dr Hili fakkar li l-votazzjoni bikrija se ssir nhar l-Erbgħa li ġej fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. Huwa sosnta li “Ser ikun hemm il-votazzjoni għaddejja l-ġurnata kollha nhar l-Erbgħa li ġej mit-8 ta’ filgħodu sat-8:00 ta’ filgħaxija.”
Għal iktar tagħrif, wieħed għandu jagħmel kuntatt mal-Uffiċċju Elettorali fuq in-numru 20901771.