Tard il-Ħadd filgħaxija l-Iran ħabbret li rtirat mill-ftehim tal-2015 dwar l-armi nukleari. Dan ifisser li issa l-Iran mhux se tibqa’ tillimita l-ħażna tagħha tal-Uranju.
Dan seħħ f’ġurnata li matulha, mijiet t’eluf ta’ Iranjani ħarġu fit-toroq sabiex juru r-rispett tagħhom lill-eks Ġemeral Qassim Soleimani li nqatel il-Ġimgħa filogħdu f’attakk mill-qawwiet tal-ajru Amerikani hekk kif il-konvoj tiegħu ħareġ mill-ajruport ta’ Baghdad fl-Iraq.
B’reazzjoni għal dan l-attakk l-Iran qalet li dan kien wieħed illegali u sostniet li mistennija tirritalja billi tispara fuq numru ta’ assi militari li l-Istati Uniti għandhom fiż-żona. Fl-istess waqt, il-Ħadd filogħdu l-Parlament Iraqqin ivvota b’qawwa favur mozzjoni li se tkun qed tkeċċi mal-5,000 suldat Amerikan mill-pajjiż.
F’din is-seduta l-aġent Prim Ministru Iraqqin Adil Abdul-Mahdi sostna li Soleimani inqatel ftit tas-sigħat biss qabel laqgħa li kellu skedata miegħu u ddeskriva dan l-attakk bħala assassinju inaċċettabbli.
Intant, rapporti fil-midja qed jgħidu li għall-ewwel darba fl-istorja, l-Iran tellgħet il-bandiera ħamra fuq l-ogħla minarett tal-Moskea ta’ Jamkaran f’Qom. L-istess rapporti qed jgġidu li din il-bandiera hija simbolu ta’ battalja qalila li għad trid tiġi.
Intant, b’reazzjoni għal dan l-President Amerikan Donald Trump permezz ta tweet sostna li l-Istati uniti kienet għadha kif xtrat b’żewġ triljun dollaru ta’ tagħmir militari. Huwa sostna li huma l-akbar u l-aqwa forza fid-dinja. Sostna wkoll li huwa ma kienx se jaħsibha darbtejn sabiex juża dan it-tagħmir fil-konfront tal-Iran.