Il-Pulizija tal-ewwel distrett, jiġifieri tal-Belt u l-Furjana ġew rikonoxxuti bħala l-aqwa distrett tal-Pulizija wara li tul is-sena li għaddiet kien l-aktar distrett li ra tnaqqis fir-rata tal-kriminalità.
Is-supretendent tal-Belt Victor Aquilina spjegalna li l-ħidma fil-kapitali ma tieqaf qatt, u kif tul ix-xhur li għaddew ġie introdott kunċett ġdid li qed iwassal għal diversi riżultati pożittivi fejn jidħol is-serq u żamma tal-ordni.
Il-Pulizija tar-riżerva Marthese Camilleri ngħatat il-premju tal-Pulizija tas-sena wara li tul il-karriera tagħha fil-Korp dejjem ħadmet bl-aktar mor responsabbli u diliġenti.
Matul iċ-ċerimonja ġew rikonoxxuti wkoll diversi Pulizija oħra li wettqu atti li ħallew il-frott. Fost dawn, Pulizija mit-Taqsima tal-Forensika u tal-Investigazzjonijiet Kriminali li ħidma sfieqa mill-laboratorji tal-Pulizija wasslet sabiex issolva każ ta’ omiċidju.
Pulizija oħra ġew rikonoxxuti wara li tul is-sena li għaddiet solvew reati kriminali u u għenu persuni fil-bżonn anki fil-ħin liberu tagħhom. Surġent ieħor mit-taqsima tar-Rapid Intervention Unit saħansitra waqqaf persuna milli twettaq suwiċidju.
Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar rringrazzja lill-Pulizija kollha għax-xogħol kbir li dejjem iwettqu. Sostna li bħalissa hemm diversi proġetti fi stadji avvanzati, izda qal li fuq bażi personali il-proġett li dejjem ikollu f’moħħu huwa l-motivazzjoni tan-nies biex dejjem ikunu kuntenti fuq il-post għax xogħol tagħhom.
Il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia sostna li l-investiment li qed isir fil-Korp tal-Pulizija wassal sabiex issolvew numru ta’ każijiet kbar. Fakakr kif tul l-aħħar snin il-Pulizija għamlet l-akbar qabdiet ta’ droga fl-istorja tagħha u r-rata ta’ kriminalità tnaqqset drastikament.
Qal ukoll li m’għadhiex aċċettabbli li Pulizija jiġu mhedda u msawta waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Hawnhekk huwa sostna li min jagħmel dan irid jieħu dak li ħaqqu.