B’referenza għall-inċident li kaġun tiegħu l-cable tal-interconnector bejn Malta u Sqallija ġarrab ħsarat konsiderevoli, l-Enemalta plc fi stqarrija qalet li l-bastiment, Polar King, li ġie kkommissjonat biex iwettaq survey fejn ġiet ikkaġunata l-ħsara, wasal fid-destinazzjoni tiegħu fit-tlieta neqsin kwart ta’ filgħodu, madwar 16 il-mil nawtiku lil hinn mil-kosta ta’ Sqallija, f’ibħra internazzjonali.
L-Enemalta qalet li x-xogħol fuq is-survey beda mill-ewwel u huwa mistenni li jieħu madwar sitta u tletin siegħa u matulu se jintuża remote operated vehicle u apparat ta’ teknoloġija avvanzata biex tkun identifikata l-gravita’ tal-ħsara li sofra l-cable tal-interconnector bejn Malta u Sqallija.
L-Inġiniera ta’ Enemalta plc u ta’ Nexans jinsabu abbord dan il-bastiment biex jissorveljaw il-proċess li qed jitwettaq fl-istess waqt li jkunu f’pożizzjoni li janalizzaw il-filmati li qed jinġibdu f’ qiegħ il-baħar u trasmessi abbord il-vapur.
L-Enemalta żiedet tgħid li dan il-proċess huwa wieħed kritiku hekk kif permezz tiegħu l-kumpanija se jkollha stampa ċara tal-ħsara li ġarrab l-interconnector bejn Malta u Sqallija, u hekk kif tkun stabbilita’ din il-ħsara, Enemalta plc flimkien mal-fornitur tal-cable, Nexans, jkunu jistghu jiddeterminaw x’hemm bżonn isir biex ikun jista’ jibda l-proċess ta’ tiswija fl-iqsar żmien possibbli.
Fid-dawl ta’ dan, Enemalta plc temmet tgħid li se tkun qed taġġorna lill-pubbliku bl-aħħar żviluppi dwar din il-kwistjoni.