Id-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex jixtieq jinforma lill-pubbliku li se jibdew xogħlijiet ta’ restawr fuq il-mekkaniżmu tal-arloġġ tas-seklu 18 li jinsab fit-torri tal-Bastjun ta’ San Mikiel fiċ-Ċittadella.
Ix-xogħlijiet għandhom jibdew fit-tieni ġimgħa ta’ Jannar u hu ppjanat li jitlestew f’Awwissu tal-2020. Dan il-proġett ta’ restawr, iffinanzjat mill-Ministeru għal Għawdex, ġie fdat f’idejn id-ditta C. Schembri Watchmakers u qed isir b’konsultazzjoni mas-Sovrintendenza għall-Wirt Kulturali.