Il-Gvern Malti esprima t-tħassib tiegħu dwar l-aħħar żviluppi marbuta mal-kriżi riċenti fil-Libja.
Fi stqarrija, il-Gvern tenna l-konvinzjoni tiegħu li t-triq ‘il quddiem hija sosluzzjoni politika u diplomatika mfassla min-Nazzjonijiet Magħquda.
Il-Gvern qal li soluzzjoni għall-paċi, għas-sigurtà, għall-istabbiltà u fuq kollox għall-prosperità fil-pajjiż ġar tagħna teħtieġ waqfien mill-ġlied u l-implimentazzjoni effettiva tad-deċiżjoni tal-Nazzjonijiet Magħquda dwar l-użu tal-armi fil-Libja.
Fl-istqarrija tiegħu, il-Gvern Malti sejħet lill-komunità internazzjonali kollha biex tnaqqas l-interventi fil-Libja u madwarha.
Qal li Malta tappoġġja lill-Unjoni Ewropea fid-deċiżjoni tagħha li f’kull ħin u f’kull mument, il-komunità internazzjonali titkellem b’leħen wieħed biex tagħti l-appoġġ tagħha lill-poplu Libjan u tħares il-bilanċ delikat ta’ sigurtà u stabbilità fir-reġjun.
Intant kmieni l-Ġimgħa filgħodu membri mill-komunità Libjan f’Malta pprotestaw quddiem l-ambaxxata tat-Turikija fil-Furjana b’reazzjoni għad-deċiżjoni tal-Parlament Tork li jibgħat is-suldati tiegħu fil-Libja biex jintervjenu fil-gwerra ċivili bejn il-Gvern Libjan fi Tripli li għandu l-appoġġ tan-Nazzjonjiet Magħquda u l-forzi mmexxija mill-Ġenerali Khalifa Haftar li huma bbażati fil-Lvant tal-pajjiż u għandhom l-appoġġ tar-Russja.