Fi żmien il-festi fejn bosta jaħsbu ftit iktar f’żaqqhom, jiżdied ukoll ix-xogħol fil-biċċerija biex tlaħħaq maż-żieda fid-domanda għal-laħam lokali.
ONE News żar il-biċċerija fil-Marsa wara jum tax-xogħol li matulu tlestew għall-konsum madwar 400 majjal.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Biċċerija, Manuel Schembri stqarr li fi żmien il-festi l-iktar annimal li jinqatel huwa l-majjal u ċ-ċanga.
Is-Sur Schembri sostna: “L-iktar laħam li jiżdied huwa l-majjal u ċ-ċanga. Aħna jiġifieri barra l-majjal u ċ-ċanga noqtlu wkoll mogħoż, nagħaġ, ħrief u dana, jiżdiedu ftit ukoll, imma l-iktar li jiżdiedu huma l-majjal u ċ-ċanga, imorru għalihom iktar in-nies f’dawn iż-żminijiet.”
Spjega li wara li r-raħħal iħalli l-annimali tiegħu fil-biċċerija, jitpoġġew fi stalel apposta u jinfirdu skont ir-raħħal li jkun daħħal il-prodott.
Wara vista mill-veterinarju, l-annimal jibda l-proċess sabiex jinqatel u jitnaddaf qabel jiddaħħal quddiem il-biċċier biex jibda jipprepara l-laħam mill-karkassa. Madankollu Schembri saħaq fuq l-importanza li kull annimal ikun mitluf minn sensih meta jinqatel.
Schembri sostna: “L-annimal irid ikun trankwill u nraqdduh, kull annimal għandu sistemi differenti kif jorqod, imma kull annimal irid jorqod qabel ma jgħaddi u jintmiss b’xi proċess biex żgur iġifieri ma jkunx hemm l-ebda moħqrija fuq l-annimal ovvjament.”
Il-Kap Eżekuttiv qal li fl-aħħar snin saru avvanzi kbar fil-biċċerija. Semma fost oħrajn il-bidla fil-makkinarju, sistema ġdida ta’ drenaġġ u mod ġdid kif jinġabar id-demm. Fuq kollox qalet li saret revoluzzjoni kbira li biddlet ukoll il-mentalità ta’ kif isir xogħol u dan hu rifless fil-prodott li qed igawdi minnu l-konsumatur Malti għax qed jixtri prodott aħjar.
Is-Sur Schembri temm jgħid: “Saru proġetti kbar, f’dawn l-aħħar snin kont qed nara anke dalgħodu, biex ngħid hekk, saru mas-60 proġett, 60 tender, fejn biex ngħid hekk, il-biċċerija nqalgħet mill-qiegħ.”
Huwa appalla lill-konsumaturi Maltin sabiex jagħżlu dejjem il-prodott tar-raħħal Malti għax bl-investiment li sar fl-aħħar snin il-laħam Malti huwa ta’ livell għoli u skont l-istandards kollha Ewropej.