Nhar il-Erbgħa li ġej mistenni jasal f’Malta l-ġisem tal-Kardinal Malti Prospero Grech li l-Ħamis sarlu funeral bħala Kardinal fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan.
Nhar il-Ħamis li ġej se ssir quddiesa presente cadavere fil-Katidral tal-Imdina fis-sagħtejn ta’ wara nofsinhar preseduta mill-Arċisqof ta’ Malta Monsinjur Charles Scicluna.
Qabel dan, il-ġisem tal-Kardinal mistenni jagħmel xi ħin ukoll fil-Knisja ta’ San Mark biswit il-kunvent tal-Agostinjani fir-Rabat.
Hemm hekk il-poplu jista’ anki jmur jagħti tislima xierqa lill-Kardinal Malti u jiffirma l-ktieb tal-kondoljanzi.
Intant il-Ħamis fil-Vatikan r-rit funebri beda b’dak li jissejjaħ ‘Rogito’ li fi kliem sempliċi huwa dak li rreġistra l-għeluq tat-tebut f’dokument uffiċjali bħal ma jsir fil-każ ta’ kull Kardinal li jmut.
Imbagħad iċ-ċerimonja fil-Vatikan tmexxiet mill-Kardinal Giovanni Battista Re li huwa Viċi Dekan tal-Kulleġġ tal-Kardinali.
Fi tmiem ir-rit, il-Qdusija tiegħu l-Papa Franġisku bierek it-tebut bil-Kardinal ġo fih.
Intant il-Kardinal Malti li miet it-Tnejn 30 ta’ Diċembru fl-età ta’ erbgħa u disgħin sena issa jinsab f’kappella fil-ġnien tal-istat tal-Vatikan.
L-E.T. Zammit qal: “Il-korp tal-Kardinal fit-tebut ittieħed fil-kappella ta’ Santo Stefano fil-ġnien tal-Vatikan fejn ħa jibqa’ hemm hekk, ikun hemm anki min imur jitlob fil-preżenza tat-tebut fejn hu espost fil-kappella sa nhar l-Erbgħa.”
L-Ambaxxatur Malti għall-Istat tal-Vatikan spjega wkoll kif huwa se jkun qed jakkumpanja lill-Kardinal fl-aħħar vjaġġ tiegħu lejn art twelidu. Huwa temm jgħid: “Jiena dakinhar ħa nkun, f’dawk il-jiem ħa nkun xogħol il-Vatikan imma ħa nagħmel il-mezz u l-almu tiegħi kollu biex inkun qed neskorta l-Kardinal minn dan il-proċess, mit-tluq tiegħu mill-kappella ta’ Santo Stefano sakemm jasal l-ajruport ta’ Fiumicino, fejn imbagħad nirritorna lejn il-belt tal-Vatikan.”