Il-festi tal-Milied u tal-ewwel tas-sena reġgħu wrew bil-qawwi l-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi.
Fuq medda ta’ ftit anqas minn erba’ ġimgħat inġabru ftit aktar minn tmien miljun u nofs ewro f’għadd ta’ maratoni għall-karità u l-partiti politiċi.
Għal sena l-oħra l-akbar wirja ta’ solidarjetà saret l-għada tal-Milied, fejn fl-Istrina ta’ din id-darba inġabru €6,220,000.
Fl-ewwel strina tal-President ta’ Malta George Vella, il-poplu reġa’ fetaħ idejh bi ħġaru u ta l-flus fost l-oħrajn lill-Malta Community Chest Fund.
Dan apparti li l-poplu Malti u Għawdxi għadu jrid ikompli jimmanifesta s-solidarjetà tiegħu fil-Fun Run tal-President li wara li tħassret minħabba l-maltemp, issa se ssir il-Ħadd 26 ta’ Jannar.
Intant fl-ewwel jum tas-sena, inġabret somma rekord ta’ ftit aktar minn €1,300,065 b’risq id-Dar tal-Providenza.
Waqt maratona ta’ 15-il siegħa inġabru kważi €90,000 aktar mis-sena l-oħra.
Fuq il-midja soċjali, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef stqarr li m’għandux kliem sabiex jirringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi għall-ġenerożità kbira li wera mad-Dar tal-Providenza.
Wiegħed li din il-ġenerożità se tissarraf f’aktar ħidma b’risq il-persuni b’diżabilità li jużaw u jibbenefikaw is-servizzi li toffri d-Dar tal-Providenza.
Intant bejniethom, iż-żewġ partit politiċi ġabru kważi miljun ewro.
Fil-maratona annwali li jagħmel il-Partit Laburista li saret f’jum ir-Repubblika, inġabru kważi €517,000.
Dan filwaqt li f’maratona oħra minn sensiela ta’ ġbir li għamel il-Partit Nazzjonalista fl-2019, inġabru ftit aktar minn €400,000.
Dan ir-rendikont ta’ ġbir, ifisser ukoll li f’popolazzjoni ta’ viċin in-nofs miljun ruħ, ras għal ras, matul dawn l-erba’ ġimgħat, il-poplu Malti u Għawdxi ta ftit aktar minn €17.