Mill-bidu tal-leġislatura għaddew mill-Parlament 89 liġi f’287 seduta plenarja.
Ma’ dawn saru iktar minn 12,000 mistoqsija parlamentari li minnhom, 484 baqgħu mhux imwieġba.
Fi kliem l-Ispeaker tal-Kamra Dr Anġlu Farrugia, dawn huma xhieda ta’ Parlament ħaj. Huwa stqarr: “Bħala andament tal-Parlament kienet sena b’saħħitha ħafna fis-sens għaliex kellna clearance rate, jiġifieri kemm għaddew liġijiet. Aħna Parlament nazzjonali fl-Ewropa, aħna l-iktar Parlament, mhux it-tieni, l-iktar Parlament li huwa effiċjenti.”
F’intervista ma’ ONE News, l-Ispeaker saħaq li f’dan il-perjodu ta’ 37 ruling. Mistoqsi dwar liema kien l-iktar ruling li baqa’ jiftakar, Dr Farrugia rrefera għal wieħed li fl-aħħar ġimgħat meta l-Oppożizzjoni riedet li tiddiskuti l-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Saħaq li hu ċaħad it-talba għaliex dan kien jippreġudika l-investigazzjonijiet u jikser id-dritt ta’ min hu mixli bil-qtil tagħha.
Dr Farrugia sostna: “Jiena għidt li jekk nagħmlu hekk inkunu kompliċi aħna li qed niksru dan id-dritt fundamentali għax kellna diġà eżempji minn Prim Ministri ta’ qabel, Fenech Adami u oħrajn fejn l-istess Qorti kostituzzjonali u Ewropea ġibditlu widnejh talli qal xi diskors meta kien hemm xi proċeduri pendenti. Kien ruling interessanti li kien repetut ukoll.”
Mistoqsi dwar seduti mill-aktar imqanqla li kellu l-Parlament dan l-aħħar, il-President tal-Kamra tar-Rappreżentanti nnota li l-imġieba fil-Parlament mhux dejjem kienet dik mixtieqa. L-Ispeaker kompla jsipjega: “M’għandek l-ebda dritt li ma tirrispettax ir-regolamenti tal-kamra. Ir-regoli tal-kamra qegħdin għal kulħadd li inti għandek iġġib l-imġieba tiegħek b’rispett lejn l-istituzzjoni li hija l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż u anke l-kollegi. Jiena qatt ma rajt – ħa nagħlaq 24 sena fil-Parlament, seba’ snin speaker – qatt ma rajt imġieba fejn il-Parlamentari, jew uħud minnhom verament jaqbżu kull limitu fil-konfront ta’ kif indirizzaw u ġabu ruħhom ma’ Parlamentari oħra.”
Matul l-2019, Dr Farrugia fisser kif kompla jaħdem biex iqarreb il-Parlament lejn in-nies li jelleġġu l-membri tiegħu. Fosthom b’diversi esebizzjonijiet kif ukoll b’seduti speċjali. Dr Farrugia tenna: “Dan l-aħħar ħriġna publikazzjoni dwar in-nies li jbatu bid-dimensja li kienet seduta speċjali bl-esperti. Ħriġna ktieb flimkien mas-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis.”
Hekk kif fl-20 ta’ Jannar, il-Parlament se jirritorna mill-btajjel tal-Milied, fejn il-kamra se tara Prim Ministru ġdid u Deputat tal-Gvern ġdid – Dr Farrugia awgura li jirrenja r-rispett bejn id-Deputati ħalli jitkompla xogħol ta’ fejda għall-Maltin u l-Għawdxin.
L-Ispeaker temm il-messaġġ tiegħu billi: “Nawgura hija li tkun sena li nkomplu bix-xogħol. Għalhekk qiegħed il-Parlament biex isir ix-xogħol li għandu jsir fil-Parlament għal ġid tas-soċjetà Maltija, jkun xi jkun l-importanti jkun hemm rispett lejn ir-regolamenti tal-kamra.”