Nhar is-Sibt li ġej 4 ta’ Jannar mill-4:00 ta’ waranofsinhar sa 10 ta’ filgħaxija il-pjazza ta’ Raħal Ġdid ser tinbidel f’festa ghall-familja kollha ‘it-Tre re f’Casal Paola.’
Din l-attività qed tiġi mtella’ mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid bil-kolloborazzjoni tas- Soċjetà Filarmonika De Paule. Matul dan il-lejl ser jieħdu sehem diversi kantanti fostom Joe Demicoli, J Anvil, Klinsmann, Ludwig Galea, id-Dulli, Benny u Tonia, Fabrizio Faniello u l-ispettaklu jilħaq il-qofol tiegħu fit-8.30 ta’ filgħaxija b’kuncert live mill-kantant tant popolari Freddie Portelli.
Fis-6.30 ser jaslu f’Rahal Gdid il-vjaġġ tal-maġi ta’ Betlehem f’Għajnsielem fejn ser iwasslu b’mod simboliku r-rigali tad-deheb, inċens u mirra quddiem ix-xbieha ta’ Ġesù Bambin fil-knisja parrokjali.
Fis-7 ta’ filgħaxija ser tibda parata akumpanjata mill-Big Friends Guggen Musik Band flimkien ma’ skejjel taż-żfin u l-bag pipes. Il-palk prinċipali ser jintrama quddiem il-knisja parrokjali u dan ser ikun imdawwar b’diversi stalls. Il-pjazza naħa ta’ fuq ser tkun mibdula f’area tat-tfal, il-kampnar tal-knisja parrokjali ser ikun miftuħ ghall-pubbliku u fih ssr tittella’ wirja ta’ ritratt antiki dwar il-bini tal-knisja parrokjali f’għeluq il-110 sena parroċċa 1910- 2020, Il-ħwienet ser jibqgħu miftuħa sa tard fejn wieħed jista’ jagħmel ix-xiri tiegħu f’dan iż-żmien tas-sale.