Fi tmiem sena kkaratterizzata minn kisbiet u suċċessi fil-qasam tas-saħħa f’Malta, id-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei jinsab lest għal dak li jista’ jinqala’ matul il-lejl.
Fl-aħħar jum tas-sena, Chris Fearne żar l-isptar u ltaqa’ mal-ħaddiema, fejn irringrazzjahom għall-ħidma tagħhom li qed twassal biex anki f’dawn il-ġranet meqjusa bieżla għad-Dipartiment tal-Emerġenza, il-mira li kulħadd jinqeda f’inqas minn erba’ sigħat, qed tintlaħaq.
Dr Fearne stqarr: “F’lejlet l-ewwel tas-sena, waqt li ħafna minnha jkunu qegħdin jiċċelebraw mal-ħbieb u l-familja, il-ħaddiema tagħna fid-Dipartiment tal-Emerġenza jkunu qegħdin jagħmlu xogħol li jsalvaw il-ħajjiet. F’dawn il-ġranet, it-targets tagħna li naqdu lil kulħadd f’inqas minn 4 sigħat, ilħaqniehom mija fil-mija, u hekk nixtiequ li nkomplu nagħmlu. Nirringrazzja lin-nies dedikati, lin-nurses, tobba u speċjalisti li jaħdmu f’dan id-Dipartiment, lin-nies tal-ambulanzi, u nixtiqilhom li dal-lejl ma jkollhomx ħafna x’jagħmlu għax aħna kollha noqgħodu attenti li ma nixorbux u ma nsuqux.”
Chris Fearne rringrazzja lill-ħaddiema kollha, mhux biss dawk fil-qasam tas-saħħa, li se jqattgħu l-ħin tal-festi jaħdmu biex ikunu ta’ servizz għal ħaddieħor.
Ingħaqad mal-appell tal-awtoritajiet biex ħadd ma jixrob u jsuq ħalli kulħadd igawdi b’responsabilità.