“Jien il-kandidat tal-kontinwità.” Qal dan Robert Abela it-Tnejn filgħaxija, f’sala ppakjata bin-nies fir-Rialto f’Bormla. Semma kif il-partit m’għandux ibiddel riċetta li rebbħitu 10 elezzjonijiet konsekuttivi. Appella biex il-Partit isib is-saħħa mill-għeruq Soċjalisti u mhux mingħand nies u entitajiet li għandhom aġenda moħbija li mhix fl-interess tal-partit u tal-pajjiż.
Spjega kif ikun faċli għalih li jwiegħed ħafna affarijiet, iżda minflok jippreferi jara t-tkomplija tal-manifest elettorali li l-poplu għażel bi ħġaru fl-2017. Dan biex ikompli l-aqwa żmien ta’ pajjiżna.
Dr Abela stqarr: “Illum għandi l-kumdità li mhux qiegħed fis-siġġu, allura nista’ nwiegħed kollox lil kull wieħed u waħda minnkom. Inwegħdkom ħaġa waħda biss peroò – it-twettiq ta’ dan il-manifest. Il-manifest tal-aqwa żmien, il-manifest li rebbaħna elezzjoni b’40,000 vot.”
Abela enfasizza wkoll l-importanza li nibżgħu għal-Laburisti iżda ma nwarrbux lil ħaddieħor. Qal li ma jaqbilx mal-messaġġ żbaljat u diviżiv u m’għandu jiġi qatt minn persuna li taspira li tkun Prim Ministru. Tenna l-impenn li dawk il-persuni li dejjem kienu hemm għall-partit ma jiġux traskurati, għax huma l-identità, l-għeruq u l-pedament tal-Partit.
Temm jgħid li beda l-kampanja elettorali tiegħu tard għax baqa’ sal-aħħar sekonda wara l-Prim Ministru Muscat. Qal li issa qed jippreżenta kampanja ġenwina, pożittiva u onestà mwassla min-nies għan-nies, li tħares ‘il quddiem b’ottimiżmu.